Sunday, December 22, 2024

Tnax-il persuna jmutu waqt logħba football f’San Salvador

Aqra wkoll

Mill-inqas tnax-il persuna mietu mgħaffġa fi ground tal-football, fil-belt kapitali ta’ El Salvador, San Salvador. 

L-inċident seħħ waqt partita bejn it-team lokali Alianza u dak ta’ Fas, f’Cuscatlán Stadium

Sussegwentement il-partita ġiet sospiża.

Il-President Nayib Bukele iddeskriva l-avveniment bħala “bla preċedent”, u qal li se titnieda “investigazzjoni kbira”.

Il-pulizija ħabbret li fost il-mejta kien hemm seba’ rġiel u żewġ nisa, bil-vittmi kollha għandhom aktar minn 18-il sena.

Din it-traġedja seħħet wara li numru kbir ta’ partitarji ppruvaw jidħlu fil-ground wara li l-bibien kienu ngħalqu.

Uffiċjali jemmnu  li nbiegħu biljetti foloz, u qalu li kienet għaddejja investigazzjoni.

Filmati fuq il-midja lokali wrew partitarji li ppruvaw iwaqqgħu l-barrikati fid-daħla tal-istadium.

Il-partita ġiet sospiża minnufih wara kommossjoni li nqalgħet fl-istands. Aktar tard bosta nies dehru qed jinġarru fuq stretchers mis-servizzi tal-emerġenza.

Il-President Bukele qal li “kulħadd” se jiġi investigat, inklużi timijiet, managers, uffiċjali tal-istadium, il-kampjonat u l-federazzjoni.

“Kull min jinstab ħati, mhux se jibqa’ bla kastig,” qal f’kummenti li tpoġġa fuq Twitter mis-segretarju għall-istampa tiegħu.

Uffiċjali qalu wkoll li 90 persuna kienu qed jingħataw attenzjoni medika, u li rġiel, nisa u tfal kienu ngħataw kura għal dak ix-xokk qawwi u t-trawma. 

Il-Ministru tas-Saħħa Francisco Alabi qal li ħafna minn dawk midruba jinsabu f’qagħda stabbli u li ma kien hemm l-ebda rapport ta’ mwiet mill-isptarijiet.

Ekonomija

Sport