Friday, December 27, 2024

Tnediet il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Liċenzjar tal-Bennejja

Aqra wkoll

Ir-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni li se twassal għal-liċenzjar tal-bennejja daħlet f’fażi fejn għas-sitt ġimgħat li ġejjin se tkun qed issir konsultazzjoni pubblika. Fil-fatt il-bieraħ tnediet il-konsultazzjoni li mistennija tkun wiesa kemm jista jkun.

Il-Liċenzji tal-Bennejja bħalissa huma regolati minn Kapitolu 10 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u jinħarġu mid-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi wara li jkun sar eżami mill-Bord tal-Bennejja.

Bir-riforma, l-Avviż Legali dwar il-Liċenzja tal-Bennej se jkun qed jinqala’ mill-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u jiddaħħal fil-qafas tal-Att li waqqaf l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), li se tieħu taħt il-kappa tagħha b’mod konkret il-Liċenzjar tal-Bennejja. L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ġiet assenjata biex twettaq u tieħu post il-funzjonijiet tal-Bord tal-Bennejja, filwaqt li tingħata l-awtorità li toħroġ liċenzji għal xogħol ta’ kwalità aħjar fl-industrija tal-kostruzzjoni.

L-Att XVI tal-2023 li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Mejju li għadda, daħħal numru ta’ tibdiliet fil-Liġi tal-BCA. Dawn l-emendi ser jippermettu t-twaqqif ta’ kumitat fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, u mistenni jkollu l-awtorità li joħroġ il-liċenzji tal-bennejja skont proċedura u kriterji stabbiliti biex b’mod sħiħ jieħdu post il-funzjoni li bħalissa għandu d-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Fost l-għanijiet tal-proċess ta’ liċnzjar hemm li tinħoloq struttura aktar ċara ta’ kif wieħed għandu japplika, x’għandu jkun jaf biex iġib il-liċenzja, xi kwalifiki jrid ikollu, jew x’tip ta’ tagħrif irid ikollu biex jidher quddiem il-bord ħalli jingħata l-liċenzja.

Il-proċess jipprovdi wkoll għal-liċenzjar aħjar li jirrifletti x-xenarju attwali tal-attività tal- kostruzzjoni li evolviet sew minn meta l-liċenzja oriġinali tal-bennej kienet daħlet fis-seħħ. Dan għandu jiddefinixxi l-kriterji u l-ħiliet meħtieġa minn persuna biex jaħdem bħala bennej.

Se jkun hemm ukoll l-obbligi ta’ taħriġ biex jiġi żgurat li jingħataw liċenzji ġodda u dawk attwali jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom u jsiru aktar konxji tal-aħjar prattiki u teknoloġiji ġodda tal-bini. Għan ieħor hu li jinħolqu aktar mezzi ta’ infurzar għal meta bennej ma jaqdix id-doveri tiegħu ta’ bennej liċenzjat.

Ekonomija

Sport