Wednesday, July 24, 2024

Tnedija ta’ kampanja mmirata lejn iż-żgħażagħ li se ssaħħaħ l-għarfien dwar is-saħħa mentali

Aqra wkoll

Aġenzija Żgħażagħ nediet il-kampanja ‘Anxiety is this you? TRUST YOURSELF TO TALK’, immirata  lejn iż-żgħażagħ fil-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali. L-għan ta’ din il-kampanja hu li jisaħħaħ l-għarfien  dwar is-saħħa mentali sabiex iż-żgħażagħ jibdew jitkellmu iktar u jersqu iżjed ‘il quddiem bil problemi ta’ saħħa mentali u jtemmu l-istigma u d-diskriminazzjoni madwarha. 

Waqt din it-tnedija, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima,  filwaqt li faħħar din l-inizjattiva, qal li l-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali ta’ din is-sena wasal fi żmien  fejn il-ħajja ta’ kuljum inbidlet b’mod konsiderevoli. 

Huwa saħaq li ż-żgħażagħ madwar id-dinja huma esposti għar-riskju ta’ mard marbut mas-saħħa  mentali u għalhekk huwa essenzjali li bħala pajjiż nassiguraw għarfien dwar is-suġġett. 

Is-Segretarju Parlamentari enfasizza wkoll l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ kampanji sabiex l-istess żgħażagħ ikollhom aktar għarfien dwar l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li l-Aġenzija Żgħażagħ dejjem tħoss il polz taż-żgħażagħ u f’mument kruċjali f’din il-pandemija ħasset li hemm bżonn tvara kampanja biex  iż-żgħażagħ jagħmlu kuraġġ u jitkellmu fuq l-anzjetà tagħhom u jfittxu l-għajnuna. Il-kampanja,  ‘Anxiety is this you? TRUST YOURSELF TO TALK’, illum qed twassal it-tema tal-Jum Dinji għas Saħħa Mentali ‘Mental health on the move’.  

Għal din it-tnedija kien hemm preżenti wkoll il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali John Cachia li qal li  minkejja l-iżvilupp li qed isir, il-problema tal-istigma xorta għadha preżenti. Is-Sur Cachia ħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex ma jiddejqux ifittxu l-għajnuna. 

Din il-kampanja se tkun qed titwassal permezz tal-midja soċjali, it-televiżjoni u anke permezz ta’  billboards.

Ekonomija

Sport