Friday, November 15, 2024

Tnedija ta’ kors ta’ induzzjoni għall-maniġers reġjonali

Aqra wkoll

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, flimkien mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, nieda kors ta’ induzzjoni għall-maniġers tal-kunsilli reġjonali, bħala parti mill-viżjoni tal-gvern fir-rigward tal-governanza tal-kunsilli lokali.

Matul din is-sena, il-gvern kompla jinvesti fit-tisħiħ tal-istrutturi tal-kunsilli reġjonali, sabiex apparti li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom b’aktar effiċjenza u effettività, ikunu jistgħu joffru assistenza lill-kunsilli lokali fi ħdanhom f’diversi oqsma u funzjonijiet.

Għal dan l-għan ġew ingaġġati numru ta’ uffiċjali professjonali li se jservu bħala maniġers reġjonali. Il-ħidma tagħhom ser twassal biex l-operat ta’ kull kunsill lokali fi ħdan ir-reġjun ikun ta’ kwalità, kontabbli kif ukoll sostenibbli.

Il-maniġers ser ikunu qed ikopru 6 temi differenti li jinkludu: il-kultura, l-ambjent, it-teknoloġija, l-amministrazzjoni ta’ fondi lokali u Ewropej, l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni ta’ proġetti, u l-immaniġġjar tal-iskart. Il-kors ta’ induzzjoni ser jikkonsisti f’16-il lecture li jkopru l-aspettattivi amministrattivi u tekniċi ta’ kull settur.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li tħares ’il quddiem sabiex, “Dan l-investiment fir-riżors uman fil-kunsilli reġjonali jissarraf f’tisħiħ fuq it-tajjeb li diġà hemm, għaliex il-ħaddiema huma wieħed mill-aktar riżorsi importanti għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-istrateġiji fi ħdan kwalunkwe organizzazzjoni”.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard qal li, “Is-setturi li jispeċjalizzaw fihom dawn il-maniġers huma sitt setturi kruċjali u importanti fit-tmexxija u fil-ħidma tal-kunsilli reġjonali.”

Id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Marisa Pisani qalet li, “L-investiment, kemm fl-ingaġġ ta’ dawn il-maniġers kif ukoll fit-taħriġ li se jingħataw permezz ta’ dan il-programm ta’ induzzjoni se jkun strumentali sabiex il-kunsilli reġjonali u lokali jilħqu l-ogħla livell ta’ governanza tajba”.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli awgurat lill-maniġers reġjonali kull suċċess f’ħidmiethom favur il-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, filwaqt li assigurat li l-gvern ser ikompli jkun ta’ gwida u ta’ sostenn fejn ikun hemm bżonn.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti il-presidenti, is-segretarji eżekuttivi u l-maniġers tal-kunsilli reġjonali u l-letturi tal-kors ta’ induzzjoni.

Ekonomija

Sport