Friday, September 19, 2025

Tnedija ta’ Pink October Movember 2025 … Il-Kampanja Nazzjonali Pink October Movember’ 25 tinsab lura b’entużjażmu kbir!

Aqra wkoll

Il-Kampanja tnediet uffiċjalment illum minn Michelle Muscat, President tal-Fondazzjoni Marigold, taħt il-Patroċinju tal-President tar-Repubblika, l-Eċċellenza Myriam Spiteri Debono.

Meta tkellmet fl-isfond tal-Buskett, mill-ġonna ikoniċi tal-Palazz Verdala, Michelle Muscat enfasizzat kif wara 11-il sena tmexxi din il-kampanja nazzjonali, kull edizzjoni kkoordinat messaġġ ġdid ta’ tama u emanċipazzjoni. Din is-sena, il-kampanja qed tagħmel sejħa qawwija :

“Kull Ġisem Jirrakkonta Storja : Esplora l-Pajsaġġ Ġewwieni!”

Dan it-tagline jgħaqqad l-istil artistiku mat-tema ta’ mogħdija jew vjaġġ u jżomm il-messaġġ divertenti, edukattiv u ta’ ispirazzjoni. Jistieden lin-nies ta’ kull età biex jaraw il-ġisem tal-bniedem bħala pajsaġġ, u jħeġġiġhom jesploraw, jinnotaw bidliet, u jieħdu passi proattivi għas-saħħa tagħhom.

Bħala parti mill-vjaġġ, il-kampanja tintroduċi messaġġi għall-ħames kanċers li tiffoka fuqhom:

🚩 Kanċer tas-Sider
“Punt ta’ Kontroll : Kun af l-għoqod jew bidliet. Wasal iż-żmien li tieqaf u tiċċekkja.”

🚩 Kanċer Ċervikali
“Attenzjoni: Taqbiżx l-ismear test – il-pap smears jaraw dak li inti ma tistax tara”

🚩 Kanċer tal-Ovarji
“Sinjali Sottili. Nefħa, uġiegħ jew tħossok mimli kmieni wisq? Afda l-istint tiegħek — litteralment.”

🚩 Kanċer tat-Testikoli
“Għoqda, uġiegħ, jew nefħa? Waqfa ta’ malajr – biex tkun ċert.”

🚩 Kanċer tal-Prostata
“Qed tagħmel aktar pipi u b’inqas saħħa? Jista’ jkun wasal iż-żmien għal konverżazzjoni malajr mat-tabib tiegħek.”

powerwithin #walkyourpath

Filwaqt li tibni fuq it-tema PowerWithin tas-sena l-oħra, din is-sena l-kampanja tħeġġeġ lill-pubbliku biex jimxi ‘l quddiem bis-saħħa li jġorr ġewwa fih. Kemm jekk int:

  • Qed tiċċekkja lilek innifsek għall-ewwel darba — il-waqt huwa issa.
  • Ġejt dijanjostikat reċentement — il-vjaġġ jibda issa.
  • Superstita — iċċelebra l-ħajja issa.
  • Qarib — żid l-empatija tiegħek issa.

Bil-qawwa li nsibu ġewwa fina, wasal iż-żmien li nimxu fit-triq tagħna, biex nibqgħu nimxu ‘l quddiem.

Il-kampanja tal-2025 hija ispirata mill-idea li timxi fit-triq tiegħek, fejn in-natura u l-pajsaġġi tal-ġisem jitilgħu simbolikament ‘il fuq, u jirriflettu r-reżiljenza u l-pożittività. Il-ħames kanċers huma rappreżentati artistikament permezz ta’ pajsaġġi li jirriflettu l-partijiet tal-ġisem involuti.

Messagg Nazzjonali

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ joqgħod attent għall-messaġġi tal-kampanja fuq ir-radju, it-TV, il-billboards, il-midja soċjali u l-pjattaformi online u jieħu l-pass kuraġġuż li jmiss billi jiċċekkjaw ġisimhom regolarment.

L-attivita tat-tnedija tal-kampanja ġiet indirizzata wkoll minn tobba u kirurgi Maltin ewlenin inkluż Dr. Nick Refalo, President Kliniku ta’ SAMOC, u Dr. Danika Marmara, Direttur ta’ Cancer Pathways.

Christine Hemmings, superstita tal-kanċer minn Għawdex, tkellmet dwar l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw il-pazjenti Għawdxin, li spiss ikollhom jaghmlu vjaġġi eżawrjenti lejn Malta għall-kura, kemm fix-xhur tax-xitwa kif ukoll taħt is-sħana qawwija tas-sajf.

B’leħen wieħed, il-kontributuri kollha enfasizzaw l-importanza kritika tal-Kampanja Pink October Movember biex tqajjem kuxjenza u teduka lin-nazzjon.

Appoġġ għas-Servizzi tal-Onkoloġija fil-Kommunita f’Għawdex

Din is-sena d-donazzjonijiet mill-kampanja se jmorru għall-finanzjament tat-tielet proġett ta’ Servizzi fil-Komunità dwar il-Kanċer, din id-darba b’kollaborazzjoni mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, biex għall-ewwel darba jipprovdi servizzi komunitarji tal-onkoloġija fil-gżira Għawdxija.

Segwi l-kampanja u l-attivitajiet fuq:
Facebook: Pink October Movember Malta
Instagram: @pinkoctobermovembermalta
Website: www.pinkoctobermovembermalta

Donazzjonijiet

SMS: 50619238 (€11.65)
CALL: 51702052 (€15) | 51802053 (€25)
Mobile Pay: 99912373 (ammonti sa €500)
IBAN: MT59VALL22013000000040023572180

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport