Huwa mifhum li l-prevalenza tad-Diabetes Mellitus fil-gżejjer Maltin tlaħħaq madwar 10%, bir-riċerka tindika li individwi li jgħixu bid-Diabetes Mellitus jiġu affettwati kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament.
Aktar minn hekk, id-Diabetes Mellitus u l-kumplikazzjonijiet marbuta miegħu huma ta’ piż u xkiel sostanzjali fuq l-individwi nfushom u fuq il-qraba
tagħhom, kif ukoll fuq is-sistema tas-saħħa nazzjonali.
Kien f’dan il-kuntest li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità evalwat il-firxa ta’ servizzi disponibbli relatati mad-Diabetes Mellitus u identifikat diversi spunti kliniċi li jistgħu jiġu indirizzati b’mod immirat għall-ġid ta’ anzjani li jgħixu bid-Diabetes Mellitus, iżda li, għal xi raġuni, ma jsegwux il-proċess stabbilit ta’ kura u monitoraġġ.
Jirriżulta li, mill-416-il anzjan li użaw is-servizz tal-amministrazzjoni tal-insulina provdut mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tul l-aħħar sena, aktar minn 43% ma attendewx għall-appuntamenti meħtieġa, filwaqt li madwar 20% ma kellhom l-ebda reġistrazzjoni medika kif suppost.
Dan is-servizz ġdid, imsejjaħ Home Diabetes Management, provdut mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, huwa mmirat proprju biex jilħaq din il-kategorija speċifika ta’ anzjani li għandhom tendenza li jkunu għadhom jgħixu fid-djar tagħhom, iżda li huma, sa ċertu punt, ristretti fil-mobilità.
Waqt it-tnedija ta’ dan is-servizz minn pjazza fil-qalba tal-komunità Żebbuġija, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Malcolm Paul Agius Galea, enfasizza kemm dan is-servizz ser iservi ta’ tarka kruċjali għal dawn il-pazjenti bid-Diabetes Mellitus, hekk kif il-monitoraġġ, l-għarfien u s-sapport tant utli ser jingħataw b’mod personalizzat proprju fid-dar tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea saħaq li servizz bħal dan, hekk immirat u ffukat, ser jikkontribwixxi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn l-anzjani u, konsegwentement, inaqqas il-ħtieġa li jirrikorru għal kura u trattamenti mediċi aktar serji u fit- tul.
Huwa żied jgħid li: “Il-mira aħħarija hija li meta l-professjonisti tagħna janalizzaw l-effett ta’ dan is-servizz fuq medda ta’ xhur, jirriżulta li l-anzjani li bbenefikaw minnu esperjenzaw kwalità ta’ ħajja aħjar kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, bit-tama wkoll li, grazzi għal dan, jirnexxielhom jiksbu aktar indipendenza u serħan il-moħħ.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Dr Renzo De Gabriele sostna li t-tnedija tas-servizz Home Diabetes Management tirrappreżenta pass importanti lejn kura aktar integrata u personalizzata fil-komunità. Huwa enfasizza li d-diabetes tibqa’ sfida serja għas-saħħa pubblika f’Malta, b’impatt kemm fuq il-benesseri fiżiku kif ukoll psikoloġiku tal-individwi, u li għalhekk hemm bżonn ta’ servizzi aktar immirati lejn dawk l-anzjani li ma jkunux qed jsegwu l-kura meħtieġa.
Huwa spjega li dan is-servizz ġdid jindirizza nuqqasijiet fil-monitoraġġ u s-segwitu, b’mod partikolari għal dawk b’mobilità limitata, billi joffri kura u sapport direttament fid-djar tagħhom. Dr De Gabriele żied li inizjattivi bħal dawn mhux biss itejbu l-kwalità tal-ħajja tal- anzjani, iżda jgħinu wkoll biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet u l-pressjoni fuq is- sistema tas-saħħa nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Steve Agius, tenna illi din l-inizjattiva hija parti minn viżjoni usa’ li tħares lejn il-bini ta’ ekosistema integrata ta’ servizzi li jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw lill-anzjani fil-komunità. Huwa enfasizza li dan l-approċċ huwa wieħed proattiv u preventiv, fejn l-interventi jsiru kmieni biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet u dipendenza akbar fuq kura istituzzjonali.
Dr Agius spjega li, permezz ta’ dan il-mudell, is-servizzi se jkunu aktar koordinati, b’aktar enfasi fuq monitoraġġ kontinwu, interventi personalizzati u l-użu ta’ data biex jiġu identifikati riskji qabel ma jimmaterjalizzaw ruħhom. Dan se jippermetti li aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom b’dinjità, indipendenza u sens akbar ta’ sigurtà.
Huwa żied jgħid li l-għan ewlieni huwa li jinħoloq mudell sostenibbli ta’ kura li jpoġġi lill- persuna fiċ-ċentru, jsaħħaħ il-prevenzjoni u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u tal-familji tagħhom.

