Saturday, November 16, 2024

Tnedija tad-19-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar

Aqra wkoll

Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar ta’ din is-sena se jsir fl-aħħar ta’ dan ix-xahar u fl- ewwel ġimgħa ta’ Awwissu li ġej. Fil-festival, li din is-sena se jkun fid-19-il edizzjoni tiegħu, se jipparteċipaw sitt kumplessi tan-nar barranin u wieħed lokali. Il-kumplessi barranin ġejjin mir-Renju Unit, l-Isvizzera, l-Italja (tnejn), Franza u l-Ukrajna. Il-kumpless lokali se jkun dak tal-Post tan-Nar Sant’Andrija, Ħal-Saflini, Ħal-Luqa. Il-wirjiet kompetittivi se jkunu akkumpanjati minn spettakli ta’ nar provduti minn diversi kmamar tan-nar Maltin. Il-wirjiet, kemm dawk kompetittivi kif ukoll ta’ akkumpanjament se jsiru kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. 

Dettalji dwar il-festival, li se jkun organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur flimkien mal-Awtorità għat-Turiżmu, ingħataw waqt Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u minn Dr Gavin Gulia, Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. 

“Huwa fatt li l-festi tal-ibliet u tal-irħula tagħna huma parti integrali u qawwija fit-tradizzjoni u fil- kultura Maltija u Għawdxija. Daqstant ieħor huwa innegabbli l-fatt li l-piroteknika Maltija tifforma parti importanti mill-festi. Huma attrazzjoni mhux biss għalina l-Maltin u l-Għawdxin imma wkoll għat-turisti li jżuruna u li issa erġajna bdejna narawhom fostna. Il-piroteknika Maltija għandha rwol internazzjonali wkoll, fil-fatt din is-sena f’Malta kien se jsir l-International Symposium of Fireworks, li kellu jiġi pospost għas-sena li ġejja kawża taċ-ċirkostanzi maħluqin mill-COVID-19”, qalet il- Ministru Julia Farrugia Portelli. 

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia stqarr li l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar sar avveniment stabbilit fil-kalendarju annwali, wieħed mistenni mid-dilettanti Maltin u minn dawk li jzuruna. Il-logħob tan-nar huwa wkoll sinonimu mal-festi Maltin, okkazjoni ta’ ċelebrazzjoni li din is-sena partikolari qed tieħu sinifikat speċjali. 

Il-Festival Internazzjonali tan-Nar se jkun mifrux fuq erbat ijiem bl-ewwel ġurnata tkun il-Ġimgħa, 24 ta’ Lulju, bl-attività tittella’ fix-Xagħra, Għawdex. F’din l-attività se jsiru tliet wirjiet piro- mużikali fil-qasam kompetittiv li jkunu akkumpanjati minn wirjiet pirotekniċi Maltin. 

Il-festival ikompli t-Tnejn u l-Erbgħa, 27 u 29 ta’ Lulju rispettivament bl-attivitajiet jsiru fl-Imqabba. F’kull ġurnata jittellgħu żewġ wirjiet piro-mużikali fil-qasam kompetittiv akkumpanjati minn wirjiet pirotekniċi Maltin. Il-Gran Finale jsir il-Ġimgħa, 7 ta’ Awwissu, fil-Port il-Kbir. L-ammont ta’ wirjiet pirotekniċi Maltin bħala akkumpanjament se jkun ta’ madwar 37 bis-sehem ta’ diversi kmamar tan-nar Maltin u Għawdxin. Kull parteċipant tal-kompetizzjoni se jkun qed jingħata s-somma ta’ €15,000 bir-rebbieħ ippremjat ammont addizzjonali ta’ €4,000 u min jikklassifika fit-tieni u t-tielet post jieħu ammont addizzjonali ta’ €2,000 u €1,000 rispettivament. 

Ekonomija

Sport