Friday, January 17, 2025

Tnedija tal-kampanja tal-European Youth Card

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-European Youth Card ħabbru t-tnedija tal-kampanja tal-European Youth Card, inizjattiva li tkompli ssaħħaħ l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.

Il-European Youth Card, apparti li toffri diversi skonti liż-żgħażagħ, hija għodda li tassigura opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ u tikkomunika solidarjetà fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, tenna l-impenn tal-Gvern lejn inizjattivi li jagħtu riżultati tanġibbli. “Il-European Youth Card hija investiment dirett fil-futur taż-żgħażagħ tagħna. Din mhix biss skema ta’ benefiċċji iżda mezz li bih niżguraw li kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom il-mezzi biex joħolmu aktar, jilħqu aktar, u jagħtu sehemhom fis-soċjetà,” qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

B’aktar minn 10,000 detentur tal-European Youth Card f’Malta u aktar minn 7 miljun madwar l-Ewropa, din l-inizjattiva turi l-qawwa tal-kollettività u kollaborazzjoni bejn gvernijiet, entitajiet, għaqdiet u organizzazzjonijiet.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti ħeġġeġ liż-żgħażagħ kollha biex jieħdu l-opportunità li toffri din l-inizjattiva. “Din hija għodda għalikom biex tesploraw, tikbru, u tirnexxu. L-enerġija u l-kreattività tagħkom huma essenzjali biex nibnu Ewropa aħjar u futur iktar b’saħħtu,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, qalet li din l-inizjattiva turi l-potenzjal taż-żgħażagħ biex jagħmlu differenza reali. “L-għan tal-European Youth Card mhux biss li toffri benefiċċji iżda li toħloq opportunitajiet ġodda. Din hija għodda li tgħin lil kull żagħżugħ jesplora l-potenzjal sħiħ tiegħu u tagħha,” qalet is-Sa Teuma.

Bħala parti mill-inizjattiva, iż-żgħażagħ f’Malta se jkunu jistgħu jgawdu minn aktar minn 22,000 skont f’42 pajjiż, li jkopru diversi aspetti tal-ħajja bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ivvjaġġar, u d-divertiment.

Il-European Youth Card mhux biss tiffaċilita l-mobbiltà billi tagħmel l-ivvjaġġar aktar aċċessibbli, iżda wkoll tappoġġa programmi edukattivi, skemi ta’ taħriġ, fost oħrajn. Manel Sánchez, Direttur tal-European Youth Card Association żied jgħid, “Din hija għodda li toħloq opportunitajiet u tgħin lill-individwi jkabbru l-potenzjal tagħhom. Kull benefiċċju huwa pass lejn soċjetà aktar inklussiva”.

Din il-kampanja timmarka pass ieħor lejn viżjoni li tagħti liż-żgħażagħ aktar opportunitajiet u għodod biex ikunu protagonisti fil-ħajja tagħhom stess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport