Iktar minn 34,000 dwal konvenzjonali li jinsabu fit-toroq residenzjali u distributtivi ta’ Malta se jiġu mibdula b’dwal LED modern sal-aħħar tal-2028. Dan il-proġett se jwassal għal tnaqqis ta’ aktar minn 60% fl-użu tal-enerġija, ekwivalenti għal tnaqqis ta’ 3,000 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO₂ fis-sena.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, flimkien maċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta, Inġ. Ryan Fava, żaru l-Fgura fejn bħalissa qed jinbidlu 540 bozza, li jimmarka l-ewwel pass f’dan l-isforz nazzjonali. Il-proġett ta’ €13 miljun se jissostitwixxi dwal antiki, b’dwal LED tal-aħħar teknoloġija li jikkunsmaw inqas minn nofs il-kapaċità tad-dwal eżistenti.
“Dan l-investiment mhux biss inaqqas il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet, iżda joffri wkoll komunitajiet aktar siguri u sostenibbli. Permezz ta’ proġetti bħal dan, qed niżguraw li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa tinħass f’kull belt u raħal, u b’hekk intejbu direttament il-kwalità tal-ħajja tan-nies tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
L-inizjattiva se tnaqqas ukoll b’mod sinifikanti l-ispejjeż tal-manutenzjoni, peress li t-teknoloġija LED iddum id-doppju tal-ħin meta mqabbla mad-dwal tradizzjonali. Dan huwa ta’ benefiċċju dirett għall-kunsilli lokali, li huma responsabbli mill-manutenzjoni ta’ ħafna min-network tad-dawl tat-toroq residenzjali ta’ Malta.
Il-kunsiderazzjonijiet ambjentali u komunitarji kienu ċentrali fid-disinn tal-proġett. Id-dwal il-ġodda huma “full cut-off”, li jeliminaw it-tniġġis tad-dawl u jipproteġu s-sema bil-lejl. Il-kulur tagħhom, ‘warm white’ (3000 K), huwa inqas intrużiv għar-residenti u inqas ta’ ħsara għall-bijodiversità, u b’hekk jiżgura bilanċ bejn l-effiċjenza fl-enerġija, is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali.
Dan il-proġett jibni fuq il-programm nazzjonali ta’ bdil ta’ dawl fit-toroq arterjali, li ġie implimentat b’suċċess mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, u jespandi l-benefiċċji tiegħu għal kull lokalità f’Malta.
Inġ. Ryan Fava, Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta plc, qal, “Enemalta ser tkompli timmodernizza l-infrastruttura tal-elettriku u tad-dawl ta’ Malta. Dan il-proġett jirrappreżenta pass ieħor importanti lejn titjib fl-effiċjenza, l-affidabbiltà u s-sostenibbiltà, filwaqt li jwassal benefiċċji ambjentali u finanzjarji konkreti għall-komunitajiet tagħna.”

