Wednesday, December 25, 2024

Tnedija tat-tielet edizzjoni SPORT FOR PARKINSON’S

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet it-tielet edizzjoni tal-kampanja nazzjonali SPORT FOR PARKINSON’S, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni l-Onorevoli Clifton Grima tkellem dwar l-impatt pożittiv li għandu l-isport meta jgħaqqad il-poplu u l-komunitajiet ta’ pajjiżna, speċjalment meta jintuża għal mezz altruwistiku u ta’ solidarjetà.

Huwa ħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet sportivi, klabbs, u atleti, sabiex iwieġbu għal din is-sejħa nazzjonali u jorganizzaw attivitajiet għal dan il-għan nobbli.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Pubblika l-Onorevoli Adrian Delia kellu kliem ta’ tifħir, kemm għall-Kumitat Olimpiku Malti kif ukoll għal SportMalta, li ngħaqdu mal-Organizzazzjoni Volontarja Step Up For Parkinson’s, sabiex jagħtu appoġġ massimu għal titjib fil-ħajja ta’ persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni newroloġika.

Huwa appella lill-Gvern sabiex ma jistrieħx biss fuq inizjattivi nobbli tal-volontarjat, imma jara li jgħinhom u jappoġġjahom b’mod sħiħ.

Preżenti wkoll iċ-Chairman ta’ SportMalta is-Sur Matthew Pisani, li esprima s-sodisfazzjon ta’ SportMalta li hija parteċipi f’din il-manifestazzjoni sportiva ta’ solidarjetà sabiex jitnaqqsu l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw persuni li jgħixu bil-Parkinson. Huwa żied jgħid li l-inizjattiva SPORT FOR PARKINSON’S qiegħda żżid l-għarfien dwar il-ħtieġa tal-eżerċizzju, mhux biss bħala mezz ta’ saħħa fiżika, imma wkoll bħala miljorament tas-saħħa mentali ‘l bogħod mill-iżolament soċjali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), is-Sur Kevin Azzopardi tenna li l-KOM jinsab ferm kburi li jifforma parti minn SPORT FOR PARKINSON’S għax jara opportunità li jwettaq att ta’ ġustizzja soċjali permezz tal-isport – prinċipju tant essenzjali għal kull min jieħu sehem f’xi dixxiplina sportiva. Huwa awgura li aktar federazzjonijiet nazzjonali u klabbs iwieġbu għal din is-sejħa li permezz taghha jkunu qegħdin jaqdu d-dover tagħhom li jroddu lura lejn is-soċjetà.

Sinifikanti ferm l-appell imqanqal tal-ambaxxatur tal-Parkinson f’pajjiżna, is-Sur Adrian Casha, li stqarr li huwa dritt fundamentali li persuni bħalu jgħixu ĦAJJA AĦJAR. Huwa żied jgħid li ĦAJJA AĦJAR hija t-tema tal-maratona ġbir ta’ fondi b’risq l-Organizzazzjoni Volontarja Step Up For Parkinson’s li sejra tixxandar fuq diversi stazzjonijiet televiżivi nhar is-Sibt 26 t’ Ottubru 2024. Is-Sur Casha radd ħajr lill-klabbs u l-assoċjazzjonijiet sportivi parteċipi f’din l-inizjattiva u fisser kif minkejja l-kundizzjoni tal-Parkinson li ilu jgħix biha sitt snin, huwa jinsab f’kontroll assolut tal-ħajja tiegħu, attiv aktar minn qatt qabel, u dejjem ifakkar lilu nnifsu li: “Jien għandi l-Parkinson, imma l-Parkinson m’għandix lili!”

Din il-konferenza tal-aħbarijiet tmexxiet mill-preżentattriċi, is-Sinjorina Joanna Camilleri.

Ekonomija

Sport