Friday, November 15, 2024

Tnedija uffiċjali ta’ sħubija bejn il-Mediterranean College of Sport u Hudson Group

Aqra wkoll

Il-Mediterranean College of Sport (MCS) u Hudson Group, distributur ewlieni li jispeċjalizza fl-ilbies u apparat sportiv dalgħodu iffirmaw ftehim fil-Padiljun Sportiv ta’ San Alwiġi. Dan il-ftehim ikopri l-uniformijiet (u lbies sportiv) tal-istudenti  meta s-sena d-dieħla se tkun qed tinfetaħ l-iskola għall-ewwel darba.

Waqt l-okkażjoni ta’ dalgħodu ġie mniedi wkoll video promozzjonali li se jkun qed jidher fit-tieni parti tal-kampanja għar-reklutaġġ ta’ studenti. Dan il-video inħadem flimkien mal-kumpannija awdjo-viżiva Be Bold.

Waqt l-attività ta’ dalgħodu, l-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ, Charlo Bonnici, ħabbar li mil-lat akkademiku l-iskola se tkun qed titmexxa mis-Sinjura Mariucca Fenech, edukatriċi ta’ esperjenza, filwaqt li l-parti sportiva u r-reklutaġġ tal-istudenti se jitmexxa mis-Sur George Micallef, edukatur u xandar sportiv li kien ukoll l-ewwel Kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport. 

Ġie reklutat ukoll il-Head Coach għall-football. Dan se jkun Taljan b’esperjenza vasta jaħdem fuq livell professjonali  fl-Italja, l-Ingilterra, l-Fillandja u l-Portugall. L-isem ta’ dan il-kowċ se jkun qed jitħabbar aktar tard din is-sena. Ġew identifikati numru ta’ persuni oħra għar-rwoli fix-xjenza sportiva, fil-kowċing tal-futbol u l-atletika. Kif diġa tħabbar, wara ftehim mal-ASA, il-kowċis nazzjonali tal-water polo, għawm u għawm artistiku, se jkunu wkoll il-head kowċis tal-Kulleġġ. Bħalissa qed isiru l-intervisti ma’ dawk li applikaw biex jiġu ngaġġati bħala għalliema.

Indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet Indrek Heinmets, Brand Director tad-ditta NIKE  f’isem Hudson Group u Intersport. Heinmets esprima l-entużjażmu tiegħu u tal-kumpanija tiegħu għall-kollaborazzjoni mal-Kulleġġ u tenna l-impenn tal-kumpanija li tappoġġja l-aspirazzjonijiet akkademiċi u sportivi tal-istudenti tal-Mediterranean College of Sport

Min-naħa tiegħu ċ-Ċermen tal-Kulleġġ Pio Vassallo ta rendikont tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li għaddejin bħalissa fuq l-iskola fosthom il-bini tal-iskola propja, il-bini ta’ car park mifrux fuq żewġ sulari, il-bini tal-ewwel Sport Hotel f’Malta  biex tospita timijiet barranin li jiġu għal training camps f’Malta kif ukoll, f’parti oħra tospita studenti barranin li jkunu qed jattendu l-kulleġġ. Beda wkoll il-bini ta’ sala għall-ġinnastika u x-xogħol preparatorju fuq Ċentru għax-Xjenza u r-Riċerka Sportiva flimkien mal-pixxina ta’ 25 metru. F’Settembru se jkun qed jinfetaħ ukoll Fitness Centre ġdid fil-kumpless.

Matul il-Konferenza tal-Aħbarijiet tħabbar ukoll li l-MCS se jkun qed jorganizza Konferenza Nazzjonali fit-8 u 9 ta’ Novembru li ġejjin dwar l-iżvilupp sportiv taż-żgħażagħ li għaliha diġa kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom esperti internazzjonali rinomati li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam. Għal din il-konferenza se jkunu mistiedna jattendu ġenituri, kowċis, edukaturi, amministraturi u sportivi.

Ir-reġistrazzjonijiet għad-dħul fl-MCS bħalissa huma miftuħa fuq is-sit uffiċjali www.mcs.edu.mt.

Ekonomija

Sport