Żewġt irġiel ġew arrestati lbieraħ filgħaxija f’ħidma oħra kontra t-traffikar u pussess tad- droga.
Wara diversi jiem t’osservazzjoni, l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga interċettataw vettura f’Marsaskala, li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 26 sena. Passiġġier fil-vettura, kien hemm ukoll ġuvni ta’ 17-il sena. Iż-żewġ persuni huma residenti l-Imqabba.
Minn tfittxija li saret fil-vettura u fuqhom, instabu diversi pakketti b’sustanza allegatament droga kannabis u kokaina, kif ukoll oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga. Ġie stabbilit ukoll li l-vettura kienet qed tinstaq mingħajr liċenzja u polza tal- assigurazzjoni.
L-irġiel ġew arrestati fuq il-post u ttieħdu l-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.