Sunday, October 26, 2025

Tnejn arrestati b’rabta mas-serqa ta’ ġojjelli mil-Louvre

Aqra wkoll

Żewġ suspettati ġew arrestati b’rabta mas-serqa ta’ ġojjelli mil-Louvre f’Pariġi. 

Skont il-gazzetta Le Parisien, iż-żewġt irġiel kienu ġejjin mis-subborg ta’ Seine-Sant-Denis, u wieħed minnhom kien qed jipprepara biex jaqbad titjira mill-Ajruport Charles de Gaulle. 

L-oġġetti misruqa jiswew mat-€88 miljun. Rapporti qalu li s-suspettati, li huma magħrufa mal-pulizija għal serqiet preċedenti, ġew arrestati s-Sibt filgħaxija. 

Sadanittant, ġie rrapportat ukoll li l-Louvre għadda wħud mill-aktar ġojjelli prezzjużi tiegħu lill-Bank ta’ Franza wara s-serqa tad-19 ta’ Ottubru, li esponiet ukoll in-nuqqasijiet serji ta’ sigurtà li kien hemm f’dan il-mużew.

Skont rapporti fil-midja Franċiża, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru, kien hemm sigurtà stretta fuq il-post biex ikun assigurat li jsir it-trasferiment ta’ wħud mill-ġojjelli li kien għad fadal lejn il-Bank. 

Dawn il-ġojjelli issa se jkunu qed jinżammu f’kamra mill-aktar sigura tal-Bank, 26 metru taħt l-art. F’din il-kamra hemm ukoll miżmuma 90% tar-riżervi tad-deheb ta’ Franza, kif ukoll dokumenti ta’ Leonardo Da Vinci u teżori oħra nazzjonali. Il-kontenut tagħha għandu valur stmat ta’ €600 miljun. 

Skont il-website tal-bank, is-“Souterraine”, kif inhi magħrufa din il-kamra, ġiet iddisinjata b’mod speċifiku biex tilqa’ għal kwalunkwe attakk.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport