Saturday, November 16, 2024

Tnejn arrestati f’qabda ta’ aktar minn 1.6 kilo droga f’Ħal Luqa

Aqra wkoll

Żewġt irġiel kienu arrestati lbieraħ waranofsinhar waqt ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, bl assistenza tar-Rapid Intervention Unit. 

F’din il-ħidma l-Pulizija sabu aktar minn 1.6kg ta’ droga, bil-valur fit-triq ta’ madwar €90,000. 

L-irġiel, ta’ 36 sena li jgħix Ħal Luqa u 31 sena li jgħix Birżebbuġa, twaqqfu mill-Pulizija waqt li kienu  f’vettura fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga. Waqt tfittxija fil-vettura, il-Pulizija sabet żewġ blokok ta’  sustanza aktarx droga kokaina, b’piż ta’ madwar 1.3kg. 

Minn tfittxijiet oħra li saru ġewwa residenza f’Ħal Luqa, il-Pulizija sabet aktar sustanzi aktarx droga; 130 gramma kokaina, 100 gramma weraq tal-pjanta cannabis u 95 gramma raża tal-cannabis. 

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras LL.D, li min-naħa  tagħha ħatret l-esperti sabiex jassistuha. 

Iż-żewġt irġiel kienu arrestati u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Wieħed mill-persuni mistenni  jitressaq il-qorti għada taħt arrest u jkun akkużat fost oħrajn bi traffikar u pussess aggravat tal-istess  droga. 

Ekonomija

Sport