Il-Pulizija qed iżżomm taħt arrest żewġ Sudaniżi b’rabta ma’ żewġ serqiet li saru fil-Marsa minn fuq żagħżugħ mill-Mali u ieħor mill-Eritreja.
Kien waqt ronda fl-istess lokalità, għall-ħabta tas-1.00 a.m. tal-Ħamis, li l-pulizija semgħu għajjat fl-inħawi ta’ Triq Derby. Meta marru fuq il-post sabu żagħżugħ ta’ 28 sena mill-Mali li nfurmahom li kien għadu kemm insteraq minn żewġ persuni.
Waqt li kienu fuq il-post il-pulizija ġew avviċinati minn żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Eritreja li wkoll qalilhom li kien aggredit minn żewġ persuni b’sikkina. Fuq il-post issejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn instab li kien qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija bdiet tfittxija fl-inħawi u f’ħin minnhom lemħu żewġ żgħażagħ li kienu jixbħu d-deskrizzjoni li tawhom il-vittmi. X’ħin rahom wieħed minnhom rema sikkina mal-art u meta saret tfittxija fuqhom il-pulizija sabu ċwievet, ‘lighters’, żewġ telefons ċellulari u flus.
Iż-żewġ żgħażagħ, li għandhom 20 u 18-il sena, ġew arrestati u qed jinżammu fil-Kwartieri Ġenerali għal aktar stħarriġ.
Dwar dawn iż-żewġ serqiet qed tmexxi inkjesta l-Maġistrat Doreen Clarke li ħatret diversi esperti biex jgħinuha.