Żewġt irġiel mis-Serbja tressqu l-Qorti b’rabta ma’ serq u bejgħ ta’ diversi mobiles.
Veljko Mijailovic ta’ 39 sena u Bratistlav Marinkovic ta’ 41 sena, it-tnejn residenti San Pawl il-Baħar, tressqu separatament quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
L-Ispetturi Joseph Mercieca u Shamus Woods spjegaw fil-Qorti kif il-pulizija li kienu qed jinvestigaw is-serq ta’ kwantità ta’ iPhones minn ħanut fl-Imsida nhar it-28 ta’ Frar, innotaw li kien hemm mobile simili għal wieħed minn dawk li kienu misruqa, li kien qed jiġi offrut għall-bejgħ online.
Il-Pulizija kienet arrestat lill-persuna li kien qed jipprova jbigħ dan il-mobile, li aktar tard irriżulta li kien Marinkovic. Investigazzjonijiet ulterjuri wasslu lill-pulizija biex jarrestaw lil ħatnu, Mijailovic.
L-ewwel li tressaq kien Marinkovic li wieġeb ħati tal-akkużi u kien ikkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar.
Min-naħa l-oħra, Mijailovic kien mixli li daħal u seraq konsenja ta’ mobiles minn ħanut fl-Imsida u li kkawża ħsara fl-istess ħanut.
Huwa wieġeb mhux ħati iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.