Monday, December 29, 2025

Tnejn fil-Qorti wara ġlieda bis-skieken f’Wied il-Għajn

Aqra wkoll

Żewġt irġiel tressqu separatament fil-Qorti b’rabta ma’ ġlieda li nqalgħet bejniethom f’Wied il-Għajn fejn allegatament intużaw ukoll xi skieken.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa li għadda, għall-ħabta tas-2.30 p.m., fi Triq iż-Żonqor. Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Wied il-Għajn kienet mitluba tassisti wara li rċeviet rapport dwar ġlieda fl-imsemmija triq. 

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li kien seħħ argument bejn Mohamad Alyasin Ahmad u Aimen El Ghanemi. Mill-informazzjoni li ġabret il-pulizija, irriżulta wkoll li f’din il-ġlieda allegatament kienu ntużaw xi armi li jaqtgħu u bil-ponta. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti li Aimen deher li kellu xi dmija taħt għonqu u għalhekk kellu jittieħed l-Isptar għall-kura mentri Mohamad kien arrestat fuq il-post.

Żied jingħad li wara li l-Pulizija ġabret aktar filmati, irriżulta li Aimen allegatament kien ukoll għamel użu minn strument li jaqta’ u għaldaqstant kien arrestat fl-isptar stess.

L-ewwel li tressaq fil-Qorti kien Mohamad Alyasin Ahmad ta’ 30 sena, li huwa mwieled is-Sirja u għandu passaport Bulgaru. Huwa kien mixli li ħebb għal Aimen u kkaġunalu ġrieħi ħfief, li kellu sikkina fil-pussess tiegħu, li insulentah u heddu u għamel użu mhux xieraq ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika.

Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità tar-reat, li sar f’post pubbliku u fil-preżenza ta’ minuri. Qalet ukoll li hemm biża’ ta’ intralċ ta’ provi minħabba l-vittma prinċipali għad irid jixhed u hemm ukoll il-biża’ li l-imputat jista’ jaħrab. 

Sadanittant, il-parte civile ddikjarat li minn issa qed tirrinunzja għal dak kollu li hu rinunzjabbli f’dawn il-proċeduri. 

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia qalet li f’dan l-istadju, qiegħda tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li hemm biża’ reali tal-ħarba fost oħrajn.

Kien għalhekk li ċaħdet it-talba u l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Warajh tressaq Aimen El Ghanemi ta’ 42 sena, imwieled il-Libja u residenti Santa Venera. Huwa kien mixli li ħebb għal Mohamad u kkaġunalu offiża ta’ natura ħafifa, li kellu sikkina fil-pussess tiegħu, li insulentah u heddu, li għamel użu mhux xieraq ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u li sar reċediv.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tar-reat u l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi. 

Id-Difiża argumentat li l-imputat għandu impjieg li huwa wieħed regolarizzat u nnotat kif l-awla kienet mimlija bil-familjari tiegħu. Qalet li waqt l-interrogazzjoni huwa eċċepixxa l-leġittima difiża u li fil-filmat jidher li l-ewwel daqqa ma ngħatatx mill-klijent tagħha. Barra minn hekk, sostniet li kienet evidenti l-ferita li għandu f’għonqu l-imputat. 

Il-Prosekuzzjoni rribattiet li ż-żewġ partijiet taw verżjonijiet kunfliġġenti u li dan ir-reat seħħ f’żona turistika fejn kien hemm anke minuri. Intant, f’dan l-istadju, il-parte civile qalet li qiegħda tirrinunzja għal dak kollu li hu rinunzjabbli fil-konfront tal-imputat.

Min-naħa tagħha, il-Qorti qieset li wieħed mill-argumenti li tressaq mid-Difiża – dwar il-fatt li ż-żewġt irġiel jkunu detenuti l-ħabs – mhix bħala raġuni valida għall-ħelsien mill-arrest minħabba li d-Direttur tal-Ħabs għandu responsabbiltà sħiħa li jara li l-imputati u x-xhieda jinżammu b’mod separat fejn ikun hemm bżonn. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qieset li l-imputat għandu indirizz fiss u kkonsidrat li għandu l-mezzi biex jipprovdi l-garanziji neċessarji. Kien għalhekk li tagħtu l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000. Aimen kien ordnat ukoll jiffirma l-għassa tal-Ħamrun darbtejn fil-ġimgħa. 

Fiż-żewġ każi, il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni biex iż-żewġt irġiel ma javviċinawx lil xulxin, liema ordni għandha tibqa’ fis-seħħ sa tmiem il-proċeduri jew inkella sakemm jiġi varjat mill-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Farrugia.

L-Avukat Jacob Magri deher għal Mohamad mentri l-Avukat Francesca Zarb dehret għal Aimen.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport