Sunday, October 27, 2024

Tnejn imutu u 14 oħra midrubin fi sparatura f’Oslo

Aqra wkoll

Żewġ persuni nqatlu u 14 oħra sfaw midruba, xi wħud b’feriti gravi, fi sparatura f’nightclub u toroq fil-viċin fiċ-ċentru tal-kapitali Norveġiża Oslo. 

Il-Pulizija kkonfermat dwar tiri sparati għall-ħabta tas-01:00 ħin lokali (23:00 GMT) fi tliet postijiet inkluż bar gay. Suspettat ġie arrestat u kienu kkonfiskati żewġ armi .

Il-Pulizija temmen li s-suspettat huwa l-uniku persuna involuta fl-isparatura u s’issa għadux mhux magħruf il-ħsieb wara l-attakk.

Ġew sparati tiri lejn il-London Pub, bar popolari ma’ koppji gay, kif ukoll ħdejn il-klabb tal-jazz Herr Nilsen u takeaway li hemm fiż-żona.

Il-Prim Ministru Norveġiż Jonas Gahr Stoere sejjaħ dan bħala “attakk terribbli u profondament xokkanti fuq nies innoċenti”.

“Rajt raġel jasal b’basket, qabad pistola u beda jispara,” qal il-ġurnalist Olav Roenneberg tax-xandir pubbliku NRK.

Mara qalet lill-gazzetta Verdens Gang li r-raġel armat kien jimmira bir-reqqa lejn il-miri tiegħu. “Kif fhimt x’ġara ħrabt niġri… Kien hemm raġel miksi bid-demm bla moviment fl-art,” kompliet tgħid.

Oslo għandha torganizza l-parata annwali tagħha tal-Pride aktar tard is-Sibt. Il-Ministru tal-Ġustizzja tan-Norveġja Emilie Enger Mehl qalet li l-inċident heżżeż lill-pajjiż.

Sport