Lift tal-merkanzija li ġie maħdum u nstallat f’post tax-xogħol minn persuni mhux kompetenti seta’ ħalla konsegwenzi agħar meta persuna waqgħet minn fuqu. Il-persuni konċernati, wieħed ta’ 37 sena u l-ieħor ta’ 44 sena, it-tnejn minn Għawdex, ittelgħu l-Qorti u nstabu ħatja ta’ diversi akkużi.
Il-każ li kien seħħ erba’ snin ilu, ġie deċiż mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, u l-akkużati weħlu wieħed sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn fil-kapaċità tiegħu bħala min iħaddem (employer) u l-ieħor sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena bħala l-persuna li nstalla l-lift.
L-akkużati nstabu ħatja li naqsu milli jiżguraw li kull lift għat-trasport ta’ merkanzija għandu jkun ta’ kostruzzjoni mekkanika tajba, ta’ materjal tajjeb u ta’ saħħa xierqa, u miżmum kif imiss. Huma naqsu wkoll milli jiżguraw li kull lift għat-trasport ta’ merkanzija jkun eżaminat sewwa minn persuna kompetenti darba f’sitt xhur u li jibagħtu lill-Awtorità rapport ta’ dak l-eżami kif mitlub bil-liġi.
Min iħaddem naqas wkoll li jiżguraw li kull tiswija, tiġdid jew alterazzjoni ta’ partijiet tal-lift għat-trasport ta’ merkanzija dikjarati mill-persuna kompetenti ssir bla dewmien u li jara li kull passaġġ ta’ lift ikun protett b’mod effiċjenti b’reċint materjali mgħammar b’kanċelli, li jevita, meta l-kanċelli jkunu magħluqa, li xi persuna taqa’ ’l isfel mill-passaġġ jew li tiġi f’kuntatt ma’ xi parti li tiċċaqlaq tal-lift għat-trasport ta’ merkanzija.
Min installa l-lift instab ħati li naqas milli jiżgura li kanċell ta’ lift ikun jista’ jinfetaħ biss meta l-kabina jew il-pjattaforma tkun fil-post minn fejn ikun se jsir dħul fiha. Il-kanċell irid ikun maħdum ukoll b’mod li jiġi evitat li xi parti minn xi persuna jew oġġetti li jkunu fil-lift jinqabdu bejn xi parti tal-lift u xi struttura fissa jew bejn il-kontrapiż u xi parti oħra li tiċċaqlaq tal-lift. Barra minn hekk, kull apertura ta’ lift għat-trasport ta’ merkanzija jew passaġġ ta’ bieb bħal dak użat għall-irfigħ jew għat-tniżżil ta’ oġġetti jew materjali, sew b’saħħa mekkanika sew xort’oħra, għandha tkun riparata b’sigurezza, u għandha tkun provduta b’qabda soda f’kull naħa tal-apertura jew passaġġ tal-bieb.
Huma naqsu wkoll li jiżguraw li t-tagħbija massima ta’ xogħol li tista’ tinġarr b’mod sigur tkun tidher b’mod ċar fuq kull lift għat-trasport ta’ merkanzija.
Min iħaddem instab ħati wkoll li ma ħarisx is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati, kif ukoll tal-persuni kollha li jistgħu jiġu affetwati bix-xogħol li jkun qed isir peress li ma ħadux il-passi neċessarji kollha sabiex jiġi evitat dannu fiżiku, korriment jew mewt fuq il-post tax-xogħol. Huwa naqas ukoll li jagħmel, jew li jiżgura li ssir, evalwazzjoni xierqa, suffiċenti u sistematika tal-perikli għas-saħħa u s-sigurtà kollha li jistgħu jkunu preżenti fuq il-post tax-xogħol u r-riskji li jirriżultaw li jikkonċernaw l-aspetti kollha tal-attività tax-xogħol.
Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jikkunsidraw ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom li għalihom ikunu esposti waqt ix-xogħol, inkluż dawk li jżuru l-post tax-xogħol, liema riskji jirriżultaw mix-xogħol imwettaq, jew in konnessjoni miegħu, jew mit-tmexxija tal-impriża.