Thursday, January 9, 2025

Tnejn mixlija b’diversi serqiet waqt li l-vittmi jkunu mitlufa minn sensihom

Aqra wkoll

Żewġt irġiel tressqu l-Qorti mixlija li wettqu diversi serqiet waqt li l-vittmi tagħhom allegatament ikunu mitlufa minn sensihom. 

Masab Kanan ta’ 24 sena u Mohamed Mustafa Abdalla Almagbri ta’ 30 sena kienu arrestati wara li l-Pulizija kienet irċeviet diversi rapporti dwar serq. 

L-Ispettur Lydon Zammit spjega fil-Qorti kif nhar it-23 ta’ Diċembru 2024, raġel kien mar jirrapporta li safa misruq wara li ltaqa’ ma’ żewġt irġiel f’Paceville.

L-allegat vittma stqarr li kien miexi ħdejn Pendergardens meta l-irġiel avviċinawh u bdew jitkellmu miegħu. Qal li kulma jiftakar hu li dawn ma kinux Maltin u wara sab ruħu f’vann f’post ieħor.

Qal li mbagħad irrealizza li kien insteraqlu l-mobile, il-kartiera u anke l-arloġġ. Aktar tard sar jaf li kienu saru diversi tranżazzjonijiet mill-kont tiegħu ta’ Revolut. 

L-ewwel tranżazzjoni kienet f’pompa tal-petrol fil-Marsa, fejn kienu nġibdu mal-€1,000 mill-ATM ta’ Paceville u t-tielet tranżazzjoni kienet ta’ €2,200 li ntbagħtu permezz ta’ Revolut lil persuna oħra li tgħix Għawdex.

Filmati tas-CCTV urew liż-żewġ imputati jakkumpanjaw lill-allegat vittma fil-vann u hemm ġie identifikat wieħed minnhom – Kanan. Minn analiżi tat-tracking data rriżulta li l-mobile tal-vittma kien jaqbel mal-location data tal-mobiles taż-żewġ imputati. 

Fit-3 ta’ Jannar li għadda, il-pulizija rċeviet rapport ieħor fejn raġel allega li kien spiċċa mitluf minn sensih u meta qam sab li kien qiegħed f’post ieħor u li safa misruq. Huwa qal lill-pulizija li jiftakar li kien qed jixrob f’Paceville meta ltaqa’ ma’ żewġt irġiel li offrewlu drink u sigarett. Imbagħad ma jiftakarx aktar x’ġara. 

Minn analiżi tal-filmati tas-CCTV, il-pulizija rrikonoxxew li dawn iż-żewġ persuni kienu l-istess persuni li dehru fil-filmati tat-23 ta’ Diċembru. Dan ippermettilhom li jidentifikaw lil Almagbri bħala t-tieni persuna suspetta f’dan il-każ.

“Irrealizzajna li diġà kienu għamluha darbtejn u probabbilment lil aktar persuni,” qal l-Ispettur Zammit. Kien hawn fejn stqarr li l-Pulizija kienu waslulha minn tal-inqas tliet rapporti oħra li fihom il-vittmi ddeskrivew kif huma ġew ukoll avviċinati minn żewġt irġiel, intilfu minn sensihom u sfaw misruqa.

Sussegwentement, il-Pulizija kisbet mandat ta’ arrest għaż-żewġt irġiel, b’Kanan jiġi arrestat f’Ħal Qormi u Almagbri f’San Ġiljan. F’kamra f’lukanda fejn kienu qed joqogħdu ż-żewġt irġiel, l-uffiċjali tal-Pulizija sabu diversi oġġetti relatati ma’ dawn is-serqiet, fosthom l-arloġġ li kien jappartjeni lir-raġel li rrapporta li kien safa misruq fit-23 ta’ Diċembru u dokumenti oħra li kienu relatati mal-każ tat-3 ta’ Jannar.

L-Ispettur Zammit qal li mill-kamra tal-lukanda ġew irkuprati diversi oġġetti ta’ valur għoli fosthom smartphones u arloġġ li huwa stmat li jiswa mal-€10,000. 

Kanan u Almagbri ġew mixlija b’xejn inqas minn 21 akkuża li kienu jinkludu serq aggravat, li kkawżaw ġrieħi fuq persuni oħra, li żammew lill-vittmi kontra r-rieda tagħhom u li għamlu użu ħażin minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika.

F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputati baqgħu miżmuma taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Avukati Franco Debono dehru għal Almagbri mentri l-Avukat Nicholas Mifsud deher għal Kanan.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia flimkien mal-Avukati Justine Brincat u Martina Calleja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport