Sunday, December 22, 2024

Tnejn mixlija b’sensiela ta’ serqiet 

Aqra wkoll

Żewġt irġiel tressqu l-Qorti fuq sensiela ta’ serq ta’ flus kontanti, ġojjellerija u sigaretti waqt li kienu fuq libertà proviżorja.

James Azzopardi ta’ 33 sena mill-Ħamrun u Redeemer Cauchi ta’ 24 sena mill-Marsa wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom, liema akkużi jmorru lura għas-sajf li għadda.

Huma kienu arrestati fl-20 ta’ Ġunju wara attentat ta’ serqa minn proprjetà f’Ħal Safi u wara ngħataw il-police bail hekk kif komplew l-investigazzjonijiet tal-pulizija. Huma tressqu l-Qorti l-Erbgħa mixlija b’sensiela ta’ akkużi. 

L-irġiel kienu mixlija li f’April serqu flus kontanti, ġojjellerija u oġġetti oħra minn żewġ residenzi fiż-Żejtun, sigaretti minn ħwienet fil-Marsa kif ukoll Toyota Liteace ir-Rabat f’Marzu.

Huma kienu mixlija wkoll bl-attentat ta’ serqa f’Ħal Safi. F’dik l-okkażjoni, waqt li kien qed jipprova jaħrab f’Mazda Demio, Cauchi kien involut f’ħabta ma’ vettura ta’ terzi persuni. 

Huwa għalhekk kien akkużat bi traskuraġni fis-sewqan, li naqas milli jieqaf wara l-inċident, li saq vettura mingħajr liċenzja u rrifjuta li jobdi l-ordnijiet tal-pulizija.

Azzopardi kien mixli waħdu li seraq sigaretti minn maħżen fil-Belt Valletta f’Marzu 2021 u minn ħwienet fil-Marsa ħames xhur wara kif ukoll b’attentat ta’ serqa oħra minn residenza fil-Qrendi f’Mejju. 

Akkużi oħra kontrih jgħidu li kkawża ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi u li kiser tliet digrieti li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest. Cauchi waħdu kien mixli wkoll kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħatat lilu kważi sena ilu. It-tnejn li huma ġew mixlija wkoll li kienu riċedivi. 

L-Avukat Difensur Arthur Azzopardi rrimarka li l-akkużat kien ilu fuq libertà proviżorja għal dawn l-aħħar xahrejn u nofs. “Għalkemm jinsabu konxji tal-akkużi kontrihom, huma mxew mal-kundizzjonijiet tal-pulizija u qatt ma ppruvaw javviċinaw ix-xhieda tal-prosekuzzjoni,” qalet id-Difiża. “Barra minn hekk, il-maġġoranza tax-xhieda pajżana diġà xehdu fl-inkjesta u evidenza oħra, bħal filmati tas-CCTV, jinsabu f’idejn il-pulizija.”

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Joseph Mercieca qal li l-investigazzjonijiet kienu kumplessi u kienu jinvolvu ħames inkjesti maġisterjali. Barra minn hekk, hemm il-kwistjoni tal-affidabilità tal-imputati, żied jgħid l-Ispettur Jonathan Cassar, filwaqt li nnota kif it-tnejn li huma kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputati jibqgħu jinżammu taħt arrest preventiv. 

L-Avukat Jacob Magri assista wkoll lil Cauchi u lil Azzopardi. 

Ekonomija

Sport