Tuesday, May 14, 2024

Tnejn mixlija b’serq mill-Bajja s-Sabiħa

Aqra wkoll

Raġel u mara, it-tnejn residenti Birżebbuġa, inżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu l-Qorti mixlija li wettqu sensiela ta’ serqiet mill-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa. 

Renald Scerri u Charlotte Zammit tressqu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Fil-Qorti ħareġ li l-pulizija kienet irċeviet diversi rapporti ta’ serqiet u l-investigazzjonijiet wasslu għall-imputati. Il-prosekuzzjoni qalet li dawn mill-ewwel ammettew l-allegat involviment tagħhom u saħansitra wrew l-oġġetti misruqa.

Intqal li l-imputati għandhom il-vizzju tad-droga u kienu qed jisirqu biex isostnu dan il-vizzju tagħhom. Fost l-oġġetti misruqa kien hemm mobiles, kartieri, nuċċalijiet, portable speakers u dokumenti personali ta’ terzi persuni. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Doriette Cuschieri u Jonathan Attard. L-Avukat Daniel Attard deher għall-imputati. 

Sport