Josef Bonnici ta’ 38 sena u Osema Elnaib ta’ 25 sena minn Birkirkara tressqu l-Qorti mixlija li f’lejlet Santa Marija weġġgħu gravi raġel ieħor waqt ġlieda li bdiet fit-toilets ta’ każin f’Birkirkara.
Fil-Qorti nstema’ kif l-argument fiżiku kompla wkoll barra l-każin. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li sostniet li għad baqa’ numru ta’ xhieda li għad iridu jixhdu.
Il-Maġistrat Astrid May Grima laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Hija ordnatilhom ukoll biex ma jersqux lejn il-festa ta’ Birkirkara filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritianne Gauci.