Xufier ta’ vann u uffiċjal ta’ Transport Malta tressqu l-Qorti mxilija li b’mod involontarju kkawżat il-mewt ta’ mara anzjana ta’ 77 sena li kienet ittajjret f’Ħal Qormi f’Awwissu tal-2024.
Francis Degiorgio, ix-xufier ta’ vann Isuzu, u Jesmond Muscat ta’ 56 sena li dakinhar kien waqt il-qadi ta’ dmirijietu, kienu mixlija li b’negliġenza kkawżaw il-mewt ta’ Carmen Buttigieg.
L-inċident kien seħħ fis-27 ta’ Awwissu 2024, fi Triq l-Isqof Scicluna, Ħal Qormi. Degiorgio waħdu qed ikun mixli b’sewqan traskurat.
Iż-żewġt irġiel tressqu b’ċitazzjoni quddiem il-Maġstrat Marse-Ann Farrugia fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Ramon Bonett Sladden u Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Bonello.
L-Avukati Alexander Boichuk u Nikolai Bugeja qed jidhru għall-imputati.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-familjari tal-vittma.


