Raġel u mara li allegatament stampaw karti tal-flus fozoz u użawhom biex iħallsu bihom tressqu l-Qorti separatament, bil-mara tammetti l-akkużi u r-raġel iwieġeb mhux ħati.
L-ewwel li tressaq kien John Anthon Borg ta’ 26 sena residenti Bormla u li m’għandux impjieg fiss.
L-Ispettur Kurt Farrugia spjega fil-Qorti kif il-Pulizija rċeviet 10 rapporti dwar l-użu ta’ karti tal-flus foloz. Qal li s-suspetti kienu identifikati minn filmati tas-CCTV li kienu miġbura mill-ħwienet fejn allegatament intużaw dawn il-flus foloz.
Iż-żewġ persuni kienu arrestati l-Ħadd filgħaxija. Minn tfittxija li saret fir-residenza tal-mara f’Bormla, fejn jgħixu ż-żewġ imputati, instab printer moħbi u kien hemm stampati karti tal-€20 fuq naħa waħda.
Waqt l-investigazzjonijiet, Miraine Bugeja, is-suspettata l-oħra, kienet ressqet rapport kontra s-sieħeb tagħha fejn allegat li sofriet vjolenza domestika.
Borg kien mixli li darab lil Bugeja, li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u li ċċirkola flus foloz fost oħrajn. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.
Warajh tressqet il-mara, li ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha u kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Antonello Magri u Kurt Farrugia.
L-Avukat George Anton Buttigieg deher għal Borg filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Maria Karlsson dehret għal Bugeja.