Żewġt irġiel inżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija li ppruvaw jisirqu minn residenza fin-Naxxar.
Jonathan Degiorgio u Ibrahim Hafes Ibrahim El-Degry tressqu l-Qorti wara l-arrest tagħhom is-Sibt li għadda.
L-Ispettur Joseph Mallia spjega kif il-pulizija kienu rċevew rapport dwar serqa minn residenza fi Triq il-Bużjett. Meta l-uffiċjal tal-Pulizija marru fuq il-post, lemħu żewġt irġiel jiġru ftit metri ’l bogħod mill-istess residenza u ġew arrestati.
Il-vittma kien irrapporta li ma nsterqulu l-ebda oġġetti mir-residenza. Minkejja dan, filmati tas-CCTV fl-inħawi urew liż-żewġ akkużati lebsin l-istess ħwejjeġ bħal dawk li kienu lebsin meta ħarbu minn fuq il-post.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad fadal xhieda pajżana li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, fil-Qorti ntqal li Degiorgio kien qed jaffaċċja diversi akkużi dwar ksur tal-libertà proviżorja mentri El-Degwy kellu fedina penali kkulurita.
Il-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputati baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Għal Jonathan Degiorgio dehru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit filwaqt li El-Degwy kien assistit mill-Avukat Ingrid Zammit Young.