Raġel u mara tressqu l-Qorti mixlija li serqu handbag ta’ anzjana f’Tas-Sliema.
Darren D’Amato ta’ 41 sena miż-Żurrieq u Graziella Francalanza ta’ 44 sena minn Tas-Sliema kienu mixlija b’serq minn fuq anzjana ta’ 80 sena.
L-allegat każ fit-28 ta’ Diċembru 2025. Iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.
L-Ispettur Lydon Zammit spjega fil-Qorti kif il-vittma kienet marret tagħmel rapport l-Għassa ta’ Tas-Sliema fejn qalet lill-uffiċjali li raġel kien ħadilha l-basket u wara ħarab f’karozza li kienet qiegħda tistennieh. Il-basket kien fih flus kontanti, mobile u oġġetti personali oħra.
L-uffiċjali minnufih bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom u raw ukoll filmati tas-CCTV miż-żona fejn seħħet l-allegata serqa. D’Amato, li huwa magħruf mal-pulizija u jinsab mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation, kien identifikat b’mod ċar mill-filmati. In-numru fuq il-pjanċi tal-karozza kienu wkoll viżibbli.
L-Ispettur Zammit kompla jispjega li l-flokk li kiebet liebsa s-sewwieqa tal-karozza kien jaqbel perfettament ma’ dak li Francalanza kienet tidher liebsa meta marret tiffirma l-bail book fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema 15-il minuta qabel seħħ dan il-każ.
Francalanza hija wkoll magħrufa mal-pulizija u magħrufa li tiffrekwenta lil D’Amato. Hija tinsab ukoll mixlija li kisret kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqha f’żewġ każijiet separati.
L-ebda wieħed miż-żewġ imputati ma talab għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Lydon Zammit, Keith Rizzo u Ian Azzopardi.
Għall-imputati dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

