Żagħżugħ ta’ 16-il sena u ieħor ta’ 17-il sena ammettew li kienu taw xebgħa lil żagħżugħ ieħor. Huma kienu kisrulu x-xedaq fil-ġnien ta’ Hastings. Waqt li kienu qegħdin jagħtuh huma ħadulu ritratti u tellgħuh fuq il-midja soċjali fejn kitbu “No Mercy”.
Kien fis-7 ta’ Marzu meta l-vittma kien mar l-Għassa tal-Belt fejn allega li kien qala’ xebgħa fil-ġnien ta’ Hastings. Hekk kif bdiet l-investigazzjoni, ġew arrestati ż-żewġ żgħażagħ
Il-vittma ppreżenta ċertifikat mediku li kien jindika li qed isofri minn ġrieħi ħfief, iżda l-għada ppreżenta ieħor lill-pulizija u dan kien juri li kien qiegħed isofri minn ġrieħi gravi wara li kellu ksur fix-xedaq
Kien il-vittma stess li wera lill-Pulizija r-ritratt tiegħu li kien itella’ fuq il-midja soċjali. Hekk kif ġie arrestat wieħed mill-aggressuri, kien ta lill-pulizija filmat ta’ dak li wettqu.
Hekk kif ammettew l-akkużi, il-Maġistart Caroline Farrugia Frendo nformat lill-partijiet li kienet se tagħti s-sentenza meta jitlesta r-rapport tal-uffiċjal tal-probation.
Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest, għax il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx minħabba li ż-żewġ akkużati ammettaw fi stadju bikri tal-proċeduri.
Il-Qorti imponiet garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed fuq iż-żewġ minuri, waqt li ordnatilhom jiffirmaw darbtejn kuljum l-għassa tal-pulizija.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Rizzo flimkien mal-Avukat Valentina Cassar f’isem l-Avukat ĠeneraliIl-minuri dehru assistiti mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia.