Wednesday, July 24, 2024

Tobba jitolbu għal aktar infurzar kontra sewqan taħt l-effett tal-alkoħol

Aqra wkoll

Grupp ta’ tobba favur is-sigurtà fit-toroq qalu li l-liġijiet ta’ Malta dwar sewqan taħt l-effett tal-alkoħol aktarx li huma kontributur għar-rata għolja ta’ mwiet ikkaġunati minn aċċidenti tat-traffiku.

F’dokument ta’ pożizzjoni li kien ippubblikat illum, il-grupp ta’ tobba Doctors for Road Safety innotaw diversi nuqqasijiet fl-infurzar tal-liġijiet dwar sewqan taħt l-effett ta’ alkoħol, fosthom lakuni li jippermettu lil sewwieqa biex ma jittiħdux azzjonijiet fil-konfront tagħhom.

Fid-dokument it-tobba appellaw lill-Gvern biex isaħħaħ is-sistema tal-infurzar ta’ kontrolli, filwaqt li jalloka aktar riżorsi u jimplimenta politika fejn kull sewwieq involut f’inċident tat-traffiku li jirriżulta fi kwalunkwe ġrieħi jkunu sottomessi b’mod awtomatiku għat-test tal-breathalyser.

It-tobba saħqu li filwaqt li l-liġijiet ġew aġġornati biex jitnaqqas il-limitu permessibbli tal-livell ta’ alkoħol fid-demm, filwaqt li ġew introdotti pieni eħrex għal sewwieqa li jinqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol, għad hemm problemi persistenti.

Fid-dokument ta’ pożizzjoni li kien ippubblikat, it-tobba wrew diversi tħassib dwar is-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol f’pajjiżna, fosthom bil-Pulizija jistgħu jissottomettu persuna għal test ta’ breathalyser f’każ ta’ “suspet raġjonevoli”.

It-tobba nnotaw ukoll li dawn it-testijiet fit-triq huma sporadiċi. Fl-istess waqt qalu li għad hemm lakuni legali li jippermettu lil sewwieqa li jevitaw milli jittieħdu proċeduri fil-konfront tagħhom.

Fl-istess waqt it-tobba qalu li pajjiżna ma jiġborx informazzjoni b’rabta ma’ inċident tat-traffiku relatati ma’ sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, b’Malta wieħed minn tliet pajjiżi biss fejn dan ma jsirx.

Fost oħrajn it-tobba qalu wkoll li sewwieqa involuti f’inċidenti tat-traffiku li jsarrfu fi ġrieħi gravi jew fatali ma jkunux sottoposti b’mod awtomatiku għat-test tal-breathalyser minkejja li l-liġi tippermetti lill-awtoritajiet li jagħmlu dan.

Ekonomija

Sport