“Tolleranza żero għal kull tip ta’ irregolarità u l-Pulizija se ssib l-appoġġ u l-kooperazzjoni kollha tiegħi.” Sostna dan f’kumment ma’ Talk.mt il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia meta mistoqsi dwar il-każ tal-allegat tbagħbis fil-Kilometri ta’ vetturi impurtati mill-Ġappun.
Il-Ministru Farrugia qal li min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Transport Malta se jkun ukoll qiegħed jappoġġja u jikkopera mal-Pulizija biex jgħin fl-investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ u kull allegazzjoni li jista’ jkun hemm iżjed ’il quddiem.
Farrugia qal ukoll li rigward dan il-każ partikolari jinsab infurmat li l-Awtorità diġà għamlet kuntatt ma’ uffiċjali għolja tal-Pulizija.
Dan wara li fl-aħħar sigħat inxterdet l-aħbar dwar is-sospenzjoni ta’ żewġ dealers lokali li qed ikun allegat li bejniethom bagħbsu mijiet ta’ vetturi b’tali mod li dawn jibigħu bi prezz aħjar minħabba li jidhru li jkollhom inqas kilometri minn kemm ikunu telqu mill-Ġappun. Sorsi qrib dan is-sit qalulna li fost l-investigazzjonijiet li saru, instabet vettura li għalkemm ġiet impurtata fl-2015, f’seba’ snin f’pajjiżna għad m’għandhiex il-Kilometri li telqet bihom mill-Ġappun.
Dealers li tkellmu ma’ talk.mt esprimew id-diżappunt tagħhom minħabba l-fatt li kollha spiċċaw mitfugħin f’keffa waħda. Dealer partikolari qalilna li għalkemm kien diffiċli għalih ikampa, hu dejjem kien żvantaġġjat minħabba li jfittex dawk il-vetturi li jkollhom ftit Kilometri. Qalilna li jeħtieġ li l-investigazzjoni titħaffef kemm jista’ jkun malajr sabiex dawk li dejjem ħadmu kif sippost ikunu jistgħu jdawru r-rota taghhom.
Kif kien mistenni, fl-aħħar sigħat, numru ta’ xerrejja marru jitolbu spjegazzjoni għand iż-żewġ dealers wara li ċċekkjaw il-Kilometri tal-vettura tagħhom fuq is-sit https://members.jevic.com/ u sabu li l-vettura tagħhom fiha inqas Kilometri milli kellha meta telqet mill-Ġappun.