Tuesday, February 3, 2026

Ton Ton Laferla tirbaħ id-Double Handed Round Comino tal-RMYC

Aqra wkoll

Ir-Royal Malta Yacht Club ospitat t-tieni tellieqa fil-kalendarju tal-2026 is-Sibt filgħodu bit-Tellieqa Double Handed Round Comino. Din it-tellieqa laqgħet flotta kompetittiva għal sfida klassika. 

It-tellieqa bdiet f’kundizzjonijiet ħfief, b’riħ min-Nofsinhar u baħar kalm. Malli l-flotta – li kienet maqsuma f’żewġ klassijiet – IRC u RMYC Club – ħarġet mil-port ta’Marsamxett sabet kundizzjonijiet aħjar li ppermettew l-ekwipaġġi isibu r-ritmu tagħhom tul il-korsa lejn it-tramuntana fid-direzzjoni lejn Kemmuna u lura lejn il-port ta’Marsamxett. 

Fil-Klassi IRC, Ton Ton Laferla (Gerald Gambin u Gregory Mifsud), ħadet il-vantaġġ mill-ewwel, b’Lartista (Anton Calleja u Andrea Vella) fil-qrib. Warajhom, Stella R (Steve Carter u Patrick Genovese)  u Time Out (Mario Sant u Danjel Fenech) kienu f’kompetizzjoni mill-qrib, b’Time Out tieħu vantaġġ żgħir qrib L-Aħrax. It-tnejn komplew jissieltu sa Baħar iċ-Ċagħaq, fejn Seven (Mario Debono u Ramon Sant Hill) għamlet progress tajjeb biex tingħaqad mal-grupp ta’ quddiem.

Ton Ton Laferla żammet il-vantaġġ tagħha matul it-tellieqa kollha biex spiċċat l-ewwel. Seven kienet it-tieni dgħajsa li spiċċat; madankollu, wara l-korrezzjoni tal-ħin, kienu Lartista u Time Out li kisbu t-tieni u t-tielet post rispettivament fil-Klassi IRC.

Gerald Gambin ta’ Ton Ton Laferla qal:

“Kienet tellieqa mill-aqwa. Li timmaniġġja t-tibdil tal-qlugħ u l-manuvri b’żewġ persuni biss fuq Ton Ton qatt mhu faċli, iżda għamilna dak li kien meħtieġ biex nibqgħu fuq quddiem.”

Fil-Klassi RMYC Club, Big Star (Sandro Musu u Sue Busuttil )— li reġgħu lura għat-tlielaq  wara waqfa ta’ sentejn — rebħet il-klassi quddiem Code Zero (Matthew u Sebastian Miceli Demajo). Exaltor u Patron, ukoll parti mill-flotta Club Cruisers, irtiraw matul it-tellieqa.

Meta kkummenta dwar ir-rebħa, Musu qal:

“Matul it-tellieqa, kkompetejna b’pass tajjeb iżda b’ċertu kawtela biex temmejna t-tellieqa b’mod sigur. Il-kundizzjonijiet kienu perfetti għal-Big Star. Grazzi kbira lil Sue, li ħadmet bla waqfien biex iżżomm id-dgħajsa b’pass mgħaġġel filwaqt li żgurat li ma ssir l-ebda ħsara. Huwa sabiħ li erġajna lura għat-tlielaq, u nittamaw li nieħdu sehem f’ħafna aktar tlielaq din is-sena.”

Dwar in-natura tat-tellieqa, ir-Rear Commodore (Sailing) Adrian Gauci Borda qal:

“Tlielaq double-handed jagħtu importanza kbira lil-ħidma bħala tim, it-teħid ta’ deċiżjonijiet u s-sengħa tal-ibburdjar. Tlielaq bħall-Round Comino jenfasizzaw il-ħiliet u d-dixxiplina meħtieġa biex wieħed jinnaviga b’mod kompetittiv b’ekwipaġġ imnaqqas, filwaqt li xorta joffru tlielaq mill-qrib u interessanti.”

L-avveniment li jmiss ser tkun it-tieni tellieqa tal-RMYC Winter Series by Beneteau nhar is-Sibt, 14 ta’ Frar. It-tellieqa fuq forma pursuit tibda fis-2pm u tispiċċa fl-4pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport