Friday, May 16, 2025

Ton Ton Laferla Tirbaħ il-Paymix Pro Ragusa Regatta

Aqra wkoll

Il-Paymix Pro Ragusa Regatta ġibdet lejha taħlita bbilanċjata ta’ jottijiet li jikkompetu fil-kategoriji IRC Racers kif ukoll Cruisers u li kienu ħerqana jipparteċipaw fl-ewwel tellieqa offshore tas-sena ospitata mir-Royal Malta Yacht Club.

Id-Direttur tat-Tellieqa, Martin Azzopardi, beda t-tellieqa minn Marsamxett lejn Ragusa billi qasam il-flotta f’żewġ gruppi —Klassi IRC  u RMYC Cruisers — biex jiġi żgurat bilanċ.

It-tellieqa bdiet f’kundizzjonijiet ħfief għal moderati b’riħ mill-punent, li ppermetta lill-flotta timxi b’pass tajjeb u tlesti l-korsa lejn Ragusa fi żmien raġonevoli.

L-ewwel li wasal f’Ragusa kien Ton Ton Laferla Insurance ta’ Jonathan Gambin, segwit minn Code Zero ta’ Matthew Miceli Demajo u Geisha ta’ Stefan Debattista. Interessanti li, wara li ġiet applikata is-sistema ta’rating IRC, ir-riżultati għall-klassijiet IRC kienu jikkorrispondu mal-ordni li waslu fil-linja finali. Il-Klassi RMYC Cruisers intrebħet minn Escape ta’ Georges Bonello Du Puis, segwita minn Cru ta’ Peter Delia u Dimm ta’ Kevin Pisani Zammit.

Avvenimenti bħal dawn f’Ragusa huma magħrufa wkoll għall-programm soċjali attiv. BBQ popolari ġewwa La Ola Beach fetaħ l-attivitajiet il-Ġimgħa filgħaxija, b’ħafna mill-ekwipaġġi jagħżlu li jistrieħu u jgawdu serata ħdejn il-baħar.

Tournament tal-Padel li sar is-Sibt ġibed lejh 12-il tim — sitta minn Malta u sitta mill-Italja. Il-koppja Maltija Jonathan u Janna Camilleri Bowman taw prestazzjoni b’saħħitha biex waslu sal-finali u spiċċaw fit-tieni post f’kompetizzjoni intensiva.

Il-kundizzjonijiet tat-temp tal-Ħadd fissru li t-tellieqa lura lejn Malta kienet prova ta’ paċenzja u determinazzjoni. B’kurrent li affettwa l-port fejn kienet ser tingħata bidu t-tellieqa, id-Direttur tat-Tellieqa Mark Napier, li kien assistit minn Michelle Caruana,  għażel b’attenzjoni l-mument tal-bidu biex jagħti l-aħjar ċans sabiex l-flotta tkun tista tieħu vantaġġ mill-kundizzjonijiet tal-ġurnata.

Ir-riħ ħafif li kien hemm matul il-ġurnata wassal biex Ton Ton Laferla biss rnexxielha tlesti t-tellieqa. Il-jott ta’ Jonathan Gambin spiċċat it-tellieqa b’ftit iktar minn siegħa qabel il-limitu tal-ħin ta’ nofsillejl.

Ninsabu soddisfatti li bħala Ton Ton tellaqna flimkien ma’ ekwipaġġi tant kapaċi f’din it-tellieqa tal-Paymix Pro Ragusa. Grazzi għall-attenzjoni kostanti tal-ekwipaġġ u l-appoġġ tas-sponsors tagħna, Laferla Insurance Brokers, nistgħu ngħidu li għamilna tellieqa tajba. Napprezzaw ħafna din l-esperjenza u  s-sens ta’ sportività li kellna matul din it-tellieqa” qal Jonathan Gambin, skipper ta’ Ton Ton Laferla.

L-għoti tal-premijiet saret ġewwa r-Royal Malta Yacht Clubm fil-preżenza tat-tim ta’ Finance Incorporated Limited (FIL), il-kumpanija fintech wara Paymix Pro. Iċ-CEO ta’ FIL, Cenk Kahraman, irrimarka li, “L-appoġġ tal-Paymix Pro Ragusa Regatta kienet pass naturali għalina — bħala kumpanija li tipprovdi pagamenti kummerċjali fl-industrija tal-ibburdjar,  soddisfatti li appoġġajna avveniment li jiġbor flimkien il-komunità tal-ibburdjar f’kompetizzjoni li fiha tintwerra ħbiberija tajba. Kienet regatta organizzata tajjeb, u aħna kuntenti li konna parti minnha.”

Il-Commodore tar-Royal Malta Yacht Club,  Mark Napier wera s-sodisfazzjon tiegħu bir-riżultat tal-regatta, li ġabet flimkien taħlita bbilanċjata ta’ dawk li jikkompetu bħala Racers u dawk li jbaħħru bħala Cruisers, kif ukoll offriet opportunità mill-aqwa għal interazzjoni soċjali.

Riżultati tal-Paymix Pro Ragusa Regatta

  • Ton Ton Laferla Insurance (Jonathan Gambin) – l-1 post Overall IRC u l-1 fil-Klassi IRC 1
  • Spirit of the Winds (Simon Xuereb) – l-1 post – IRC Klassi 2
  • Code Zero (Matthew Miceli Demajo) – 1 post – IRC Cruisers
  • Pippus (David Anastasi/Maya Podesta) – 2 post – IRC Cruisers
  • Janissah (Mario Debono) – it-3 post – IRC Cruisers
  • Escape (Georges Bonello Du Puis) –l-1 post – RMYC Cruisers
  • Cru (Peter Delia) – t-2 post – RMYC Cruisers
  • Dimm (Kevin Pisani Zammit) – t-3 post – RMYC Cruisers

L-avveniment li jmiss fil-kalendarju tat-tlielaq offshore tar-RMYC huwa l-Marzamemi Weekend Regatta, skedat li jsir bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport