Friday, December 27, 2024

Tonfoq flus mhux dikjarati mill-qari tax-xorti fil-casinos … immultata €28,000

Aqra wkoll

Maria Magdalena Sultana ta’ 46 sena kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultata €28,000 wara li nstabet ħatja ta’ frodi u ħasil ta’ flus u li qarrqet b’ħaddieħor billi ġegħlithom jemmnu li tista’ taqra x-xorti.

Fil-Qorti ħareġ li l-investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ rat il-bidu tagħha wara rapport li sar mal-pulizija li l-imputata kienet qed tilgħab ammont sostanzjali ta’ flus fil-casinos lokali fejn l-ammont li kienet tilgħab ma kinux konformi mal-introjtu li kien ikollha. Fil-Qorti ħareġ li bejn l-2009 u l-2020, il-mara kienet lagħbet total ta’ €203,604 fejn għamlet cash outs fl-ammont ta’ madwar €57,490.

L-Ispettur Joseph Xerri spjega li Sultana kienet qiegħda tagħmel użu minn profile bl-isem ta’ Meg Sultana li nħoloq fi Frar tal-2018 fejn bdew jidhru ritratti relatati mal-ispirtwaliżmu. Hija kienet ukoll iżżomm paġna u profil ieħor bl-isem “Fortune Teller”.

“Instabu diversi posts li kienu qed jirreklamaw diversi servizzi relatati ma’ fortune telling u ta’ Lot reading fejn dawn kienu qed jiġu offruti għall-prezz ta’ €35 jew €20 skont il-każ. F’dawn il-paġni ukoll jidhru diversi ritratti tal-imputata. 

“B’hekk kien ġie konkluż li s-Sinjura Sultana kienet qed tagħmel qligħ li kien ġie minn servizzi u bejgħ ta’ materjal relatat ma’ fortune telling u ta’ lot reading fejn hija kienet użat dawn il-flejjes ġewwa l-casinos lokali fejn filwaqt li ma kienet qed tiddikjara xejn minn dan l-introjtu mal-awtoritajiet lokali,” spjega l-Ispettur Xerri. 

Minn tfittxija fir-residenza tagħha f’Ħal Għaxaq, il-Pulizija sabu ammont kbir ta’ kaxxi inċens u pakketti ta’ herbs, mazzijiet ta’ karti tal-qari tax-xorti, djarji bl-appuntamenti, u ħames kaxxi relatati ma’ oġġetti ta’ qari tax-xorti u spiritwalità fost l-oħrajn. Instabu wkoll mal-€4,100 fi flus kontanti.

Tul il-kumpilazzjoni diversi kienu l-persuni li stqarrew li bejn is-snin 2020-2021, kienu jieħdu servizzi ta’ qari tax-xorti mingħand l-imputata; oħrajn kienu jħallsuha biex tagħmel spells fuqhom u fuq terzi, għal liema servizzi kienu jħallsu mingħajr ma jingħataw riċevuti fiskali għalihom.

Rappreżentant tad-Dipartiment tas-Servizzi soċjali esebixxa dokument li juri li l-ħlasijiet li saru lill-imputata bejn l-2008 u l-2021 ilaħħaq €56,460. Rappreżentant tal-Kummissarju tat-Taxxa qal li bejn l-2008 u l-2009 ma ddikjarat l-ebda dħul.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech osservat li mix-xhieda tal-klijenti tagħha jirriżulta li dawn għamlu użu mis-servizzi tagħha fl-aħħar sentejn u għalhekk skatta l-obbligu tagħha li tiddikjara d-dħul ġaladarba ma baqgħetx dipendenti biss fuq benefiċċji soċjali. 

Dwar il-piena l-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati serji li dwarhom qed tinstab ħtija fejn l-imputata ma ddejqet xejn tisfrutta l-vulnerabbiltà ta’ persuni li fittxew dak li f’għajnejhom kien jammonta għall-għajnuna tagħha. “Ma jridx jintesa’ li saħansitra kien hemm min ikkontempla li jagħmel suwiċidju u għadu taħt kura kawża tal-visti li kellu mal-imputata.”

Minbarra s-sentenza sospiża u multa, il-Qorti ordnat il-konfiska tal-proprjetà mobbli u mmobbli kollha tal-imputata u l-konfiska ta’ €4,000 li permezz tagħhom kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest dwar każ ieħor.

Ekonomija

Sport