Saturday, December 21, 2024

Tonga f’lockdown wara l-ewwel każi li x’aktarx daħlu mal-għajnuna umanitarja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tonga se tkun qiegħda tidħol f’perjodu ta’ lockdown wara li rreġistrat numru ta’ każi tal-Covid-19. Din hija daqqa ta’ ħarta oħra għall-gżira fil-Paċifiku wara li fl-aħħar jiem intlaqtet minn tsunami kkawżat minn żbroff ta’ vulkan.

Din il-gżira fil-Paċifiku kienet waħda mill-ftit madwar id-dinja li fiha kien għadu ma ġie rreġistrat ebda każ tal-virus. Dan wara li l-istess gżira għalqet il-fruntieri tagħha sa mill-ewwel ġimgħat tas-sena 2020.

Il-każijiet feġġew fil-port minn fejn il-gżira qiegħda tirċievi l-għajnuna umanitarja biex tkun tista’ terġa’ ssib saqajha wara l-ħsarat estensivi kkawżati mit-tsunami.

L-ewwel suspetti waqgħu fuq il-merkanzija li ddaħħlet fil-pajjiż. Dwar dan infetħet inkjesta u beda l-ittestjar biex ikun jista’ jiġu verifikat mil-liema pajjiż daħlu dawn il-każi. Fost il-pajjiżi li qegħdin jissemmew għall-kontribut tagħhom hemm l-Awstralja u New Zealand li taw sehemhom b’konsenji ta’ ilma tajjeb għax-xorb, tined fejn dawk milqutin jistgħu jistkennu temporanjament u apparat li jintuża mill-membri tas-salvataġġ.

Il-vapur Awstraljan HMAS Adelaide rreġistra 23 minn fost is- 600 membru tal-ekwipaġġ li kienu infettati bil-virus. 

Il-Prim Ministru tal-pajjiż Siaosi Ovalene ddikjara lockdown u waqqaf il-vjaġġi bejn il-gżejjer li jiffurmaw il-gżira.

Minn tal-anqas 83 fil-mija tal-popolazzjoni fil-gżira li tlaħħaq il-106,000 persuna huma mlaqqmin biż-żewġ dożi, iżda l-limitazzjoni tar-riżorsi tagħhom fejn tidħol il-kura tas-saħħa tħallihom vulnerabbli quddiem il-firxa tal-pandemija.

Ekonomija

Sport