Sunday, July 13, 2025

Tonqos il-kunfidenza ekonomika fost familji u negozji Ewropej, imma tiżdied dik f’pajjiżna

Aqra wkoll

Stħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummisjoni Ewropea fost in-negozji u l-konsumaturi fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jindika li matul Ġunju pajjiżna kellu valur tal-indiċi ta’ sentiment ekonomiku ta’ 107, jew 7% aktar mill-medja storika. B’kuntrast madwar l-Ewropa l-kunfidenza hija 6% anqas mill-medja storika.

Filfatt f’pajjiżna f’Ġunju ta’ din is-sena s-sentiment ekonomiku kien 9% aqwa minn sena qabel, mentri madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm tnaqqis ta’ 2%. 

Fl-industrija, maġġoranza ta’ terz tal-kumpaniji Maltin intervistati sostnew li fl-aħħar xhur kien hemm żieda fil-produzzjoni. Dan filwaqt li maġġoranza anke akbar tal-azjendi qallu li qed jistennew li żieda aktar fiż-żmien li ġej minkejja s-sitwazzjoni nternazzjonali negattiva. Tant li s-sentiment ekonomiku fost l-azjendi tal-manifattura huwa aktar mill-medja storika, b’kuntrast għas-sitwazzjoni fil-bqija tal-Ewropa fejn hemm inkwiet kbir minħabba d-domanda esterna.

F’Malta s-sentiment fost il-familji huwa wkoll aħjar mill-medja storika, u ferm aqwa mill-medja Ewropea. Il-maggoranza tal-familji ntervistati sostnew li fix-xhur li ġejjin qed jistennew li titjieb il-qagħda finanzjarja tagħhom filwaqt li anke jżidu t-tifdil tagħhom fix-xhur li ġejjin.  

Anke l-operaturi fis-settur tal-bejgħ huma ottimisti fuq is-sitwazzjoni, bis-sentiment kemxejn aħjar mill-medja storika, u ferm aħjar minn dak f’ħafna pajjiżi Ewropej. Is-sentiment fis-settur tal-kostruzzjoni f’Malta baqa sewwa ‘l fuq mill-medja storika. 

Fis-servizzi min-naħa l-oħra hawn sentiment pożitiv ta’ kunfidenza, bil-maġġoranza tal-azjendi f’pajjiżna isostnu li kellhom żieda fl-attivita fl-aħħar xhur u din se tkompli tikber. Għaldaqstant l-aspettativi fost l-operaturi fis-settur kienu aħjar mill-medja Ewropea.

Fl-istess ħin madwar is-setturi kollha jidher li hemm aspettativa ta’ żieda fl-impjiegi meta mqabbel mal-aspettativi f’xhur preċedenti. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport