Il-Qorti tal-Appell naqqset il-piena lil Paul Borg ta’ 69 sena residenti Ħaż-Żebbuġ wara li kien instab ħati li pprova joqtol lil Mario Grech liema każ kien seħħ fl-2019 f’Ħaż-Żebbuġ stess.
Hu kien ġie kkundannat 32 sena ħabs, u issa l-Qorti tal-Appell naqset din il-piena għal 20 sena.
Borg kien għadda ġuri fl-2024 u bi tmien voti kontra wieħed kien instab ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih, ħlief dik ta’ ħsara volontarja fuq il-proprjetà. Dakinhar, l-avukat difensur Edward Gatt kien esprima d-diżappunt tiegħu għall-verdett u talab lill-Qorti taħtar espert mediku biex janalizza l-fajl mediku tal-akkużat. Il-Qorti kienet laqgħet din it-talba u qalet li se tara li Borg jingħata l-għajnuna u l-kura medika meħtieġa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-każ kien seħħ meta Borg kien waddab żewġ briksiet minn fuq il-bejt tiegħu lejn Mario Grech, li dak il-ħin kien qed jagħmel xogħol fuq sellum fil-bitħa tar-residenza ta’ ibnu, li tmiss mal-proprjetà ta’ Borg. Sena qabel, Borg kien diġà attakka lill-istess vittma b’lasta ta’ xkupa.
Il-Prosekuzzjoni kienet qalet li bejn Borg u iben il-vittma kien hemm diżgwid li kien ilu għaddej ftit żmien mhux ħażin minħabba xi xogħlijiet li kienu qed isiru fir-residenza tal-vittma, b’mod partikolari fuq ħajt ta’ appoġġ bejn iż-żewġ proprjetajiet.
Minħabba dawn l-argumenti, iben il-vittma kien installa kameras ta’ sigurtà fil-ġnien tiegħu u kien qabbad ukoll uffiċjal tal-pulizija extra duty biex jagħmel għassa.
Fil-ġurnata li seħħ il-każ, Grech kien qiegħed fuq sellmu jagħmel xi xogħol filwaqt li l-ħati kien deher jittawwal minn fuq il-bejt għal fejn kien Grech.
Kien hawn li hu qabad briksa u tefagħha fid-direzzjoni tal-vittma.
Il-pulizija li kien fuq għassa laħaq ġenneb lil Grech u l-briksa ma laqtitux, iżda Borg waddab briksa oħra li laqtet lill-pulizija. Fil-Qorti ħareġ ukoll li Borg waddab żejt fil-pool tal-vittma.
Borg talab lill-Qorti tal-Appell biex tinbidel is-sentenza fil-parti li sabitu ħati ta’ tentattiv ta’ omiċidju u ta’ feriti mingħajr ħsieb li joqtol. Huwa argumenta li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienu dgħajfa u setgħu żvijjaw lill-ġurati, u sostna wkoll li ma kinitx inħatret inkjesta maġisterjali minkejja l-akkuża ta’ tentattiv ta’ qtil. Qajjem ukoll dubji dwar il-filmati, billi qal li dawn kienu ġew ippriservati mill-vittma nnifsu, li seta’ għażel x’juri, u sostna li l-briksiet ma kinux immirati lejn Grech.
Il-Qorti tal-Appell fis-sentenza tagħha qalet li x-xhieda tal-vittma, ta’ ibnu u anke tal-pulizija kienu qabdu ma’ xulxin u anke dan ħareġ ċar mill-filmati tas-sigurtà.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li kien evidenti li t-tfigħ tal-briksiet kien intiż biex jolqot lill-vittma u li espert ikkonferma li l-filmati ma kinux imbagħbsa u kienu jirriflettu fedelment dak li ġara. Il-fatt li l-briksa niżlet ftit ‘il bogħod mill-vittma ma naqqas xejn mill-periklu reali li kienet tirrappreżenta.
Fl-analiżi tagħha dwar il-piena, il-Qorti tal-Appell qieset b’mod partikolari l-akkuża ta’ tentattiv ta’ omiċidju u nnutat li l-vittma ma sofriet l-ebda ferita. Filwaqt li rrikonoxxiet li l-verdett tal-ġurati kien wieħed sod, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-piena ta’ 32 sena ħabs kienet waħda eċċessiva u qrib wisq tal-massimu. Għalhekk iddeċidiet li tnaqqasha għal 20 sena ħabs, filwaqt li kkonfermat il-multa ta’ €4,000 u l-ħtija għall-akkużi l-oħra.
Il-Qorti tal-Appell kienet ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Ramon Bonett Sladden u Darlene Grima f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Borg dehru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għall-parte civile.

