Sunday, November 24, 2024

Tonqos ir-rata ta’ persuni f’ċaħda materjali u soċjali severa

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota b’sodisfazzjon it-tnaqqis irreġistrat matul l-2023 fir-rata taċ-Ċaħda Materjali u Soċjali Severa kif ukoll fir-rata ta’ Ċaħda Materjali u Soċjali, li issa jinsabu fost l-anqas livelli qatt reġistrati. Dan b’kuntrast kbir mal-istess ċifri ta’ 10 snin ilu mkejla b’metodoloġija anqas iebsa.

L-aħħar rapport tal-Eurostat jinnota li persuna minn kull għaxra f’pajjiż stat tal-Unjoni Ewropea, ma jaffordjax jiekol ħaxix, laħam jew ħut kull jumejn. Is-sitwazzjoni f’Malta hija mal-medja ta’ dik tal-pajjiżi membri tal-Unjoni. Dan ifisser, li f’Malta kellna titjib fuq l-istess statistika ta’ għaxar snin ilu fl-2013, meta 1 minn kull 6 persuni ma kienx jaffordja tali ikla.

Matul is-sena 2023 (abbażi tas-sitwazzjoni fl-2022), persuni li jaqgħu ma’ din il-kategorija f’pajjiżna ammontaw għal 9.4%.  Fl-2013 u fl-2014, (abbażi tas-sitwazzjoni fl-2012 u l-2013) kellna l-ogħla rati qatt reġistrati li kienu jammontaw għal bejn 15.3% u 15.5%. 

L-aħħar ċifri ppubblikati tal-NSO juru r-rata taċ-Ċaħda Materjali u Soċjali Severa naqset minn 4.9% fl-2022 għal 4.1% fl-2023, tnaqqis ta’ 3,517-il persuna. Din hija l-anqas rata rreġistrata mill-2017 ’il hawn meta dan il-kejl daħal fis-seħħ skont parametri mibdula tal-Unjoni Ewropea dwar dħul u kundizzjonijiet tal-għajxien tal-familji. Fl-2013, b’kejl anqas iebes minn tal-lum, kellna 10.6% f’ċaħda materjali severa, jew kważi t-tripplu tal-lum.

Anke r-rata ta’ Ċaħda Materjali u Soċjali niżlet minn 9.6% fl-2022 għal 9.2% fl-2023. Din hija l-anqas rata mill-2019 ’l hawn. Dan it-tnaqqis fiċ-ċaħda materjali u soċjali kien irreġistrat l-iżjed fost l-anzjani u fost il-ħaddiema. Fl-2013 kellna kważi 20% tal-popolazzjoni f’ċaħda materjali, jew aktar mid-doppju tal-lum.

B’reazzjoni għal din l-istatistika, l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon innota l-bżonn ta’ aktar konsolidazzjoni fejn tidħol il-politika soċjali tal-Gvern, dan speċjalment fi żmien fejn l-inflazzjoni kompliet tħalli l-pressjonijiet tagħha fuq il-familji, l-aktar dawk fil-faxxa ta’ isfel.

Il-Ministru Falzon tenna li għal din ir-raġuni, minbarra li l-Gvern baqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-qmuħ u ċ-ċereali, lejn l-aħħar tal-2022 beda jitħallas benefiċċju ġdid maħsub biex familji u persuni bi dħul baxx jew medju jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-effetti tal-inflazzjoni.

“Għalhekk qed inkomplu nsaħħu l-benefiċċji soċjali, filwaqt li kabbarna t-thresholds għal dawk il-familji u l-individwi li jieħdu l-benefiċċju addizzjonali tal-COLA. Fl-istess waqt komplejna nimplimentaw il-ftehim għall-istabbilità fil-prezzijiet li qed jgħin ukoll sabiex ikun hemm roħs fi prezzijiet ta’ 450 prodott essenzjali tal-ikel,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Sport