Minn Cristian Muscat
Tony ‘The Strongman’ Farrugia huwa wieħed mill-aktar atleti magħrufa f’Malta minħabba l-wirjiet tiegħu ta’ saħħa straordinarja u l-impenn bla waqfien tiegħu għall-karità. F’intervista esklussiva ma’ dan is-sit, Tony tkellem dwar il-karriera tiegħu, il-valuri li jiggwidawlu l-ħajja, u l-proġett ewlieni li se jieħu sehem fih fil-jiem li ġejjin jiġifieri l-‘Battle of the Beasts’ f’Malta.
Meta saqsejnih kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn dan it-tip ta’ sport estrem jekk nistgħu nsejħulu hekk, Tony jew kif ħafna jafuh bħala Ninu, beda jħoss passjoni għall-isport u l-qawwa fiżika minn età żgħira.
“Minn meta kont tifel, dejjem kont imdawwar b’esperjenzi ta’ dan it-tip dwar il-ġenituri u saħħa li kellhom ċerti membri, speċjalment missieri u n-nannu tiegħi li kien jaf iġorr blat kbir,” spjega Tony. Din l-esperjenza bikrija ħeġġitu biex jipprattika l-irfigħ tal-blat u jagħmel sport ta’ saħħa passjoni vera għalih. Tony jemmen li l-pedamenti għall-qawwa fiżika u l-karattru tajjeb jibdew minn età żgħira, meta l-enerġija tfisser aktar minn sport; tfisser dedikazzjoni, disciplina u persistenza.
L-atleta Malti ħadem ħafna f’dawn l-aħħar snin biex juri li l-qawwa fiżika tista’ tintuża mhux biss biex tappella lill-pubbliku iżda wkoll biex tappoġġja kawżi soċjali. Minn Puttinu Cares sal-Hospice Malta, u sa Malta Autism Centre u Dar Bjorn, Tony dejjem għamel sforzi konsistenti biex iħalli impatt pożittiv fil-komunità. Il-karattru tiegħu huwa ta’ dedikazzjoni u altrużmu, u għalhekk huwa meqjus bħala simbolu ta’ qawwa u ġenerożità f’Malta.
Tony beda wirjiet pubbliċi fl-2010 madwar Malta u Għawdex, fejn wera bravuri bħall-ġarr ta’ karozzi, truck u anki jgħawweġ oġġetti tal-azzar. “Meta tħares lura, kollox beda b’wirjiet żgħar fiċ-ċentri lokali tagħna. Kienet esperjenza li ġġib lill-komunità flimkien u tbiddel mod kif in-nies jaraw il-qawwa fiżika,” qal Tony.
Il-bravuri tiegħu huma impressjonanti u diversi, inkluż l-irfigħ ta’ ċilindri tal-gass, tgħawwiġ ta’ metalli u ġbid ta’ trakkijiet. Dawn il-wirjiet mhux biss jagħtu divertiment għall-pubbliku iżda wkoll pjattaforma biex jinġabru fondi għall-karità. Tony jemmen li l-isport u l-qawwa jistgħu jkunu strument ta’ bidla pożittiva fil-ħajja ta’ ħafna nies.
Fl-2016, Tony iddeċieda biex joħloq duo ma’ Paul “Mr. Cool” Grima, fejn flimkien għamlu wirjiet differenti u komplew jiġbdu l-attenzjoni għall-karità. “Il-kollaborazzjoni ma’ Mr Cool kienet rivoluzzjonarja. Qed naqsmu l-passjoni tagħna u nispiraw il-pubbliku biex jgħin lil min hu fil-bżonn,” żied Tony. Din il-kollaborazzjoni ma’ Mr Cool juri kemm il-kooperazzjoni u l-pjaċir fil-wirjiet jistgħu jġibu impatt reali fuq il-komunità u fuq il-karità.
Tony ħa sehem ukoll f’Malta’s Got Talent fl-2022, fejn wera bravuri bħal tgħawwiġ ta’ taġnijiet, rfigħ ta’ ċilindri tal-gass ta’ 25 kilogramm u ġbid ta’ trakkijiet. Il-judges kienu impressjonati u tawh voti pożittivi li wassluh għall-kwalifikazzjoni għas-semifinali. Dan ir-rikonoxximent televiżiv kkonferma l-popolarità tiegħu fost il-pubbliku Malti u barra, u wera li qawwa fiżika tista’ tiġi kombinata ma’ messaġġi ta’ altrużmu u karità.
Tony Farrugia se jieħu sehem fil-Battle of the Beasts f’Malta, kompetizzjoni li tħejji l-aqwa strongmen tad-dinja għal sfidi straordinarji. “Se jkun hemm sfidi differenti kull ġurnata: fit-2 t’Ottubru fil-Bajja ta’ San Ġorġ San Ġiljan, sfidi bħal Bay Floor Challenge, u it-tieni ġurnata fil-Fort Rikażli bi sfidi bħal Reżiljenza u Combat. L-aħħar sfida se jkun Eating Challenge fejn se nippruvaw niktbu isimna fil-Guinness Book of Records hekk kif se jkun hawn rappreżentanti min-naħa tagħhom,” qal Tony.
Għal din l-okkażjoni, Tony se jippreżenta wirjiet ta’ saħħa fuq il-palk inkluż wirjiet tipiċi tal-qawwa u se jkun hemm Mr Cool li wkoll se jagħmel wirjiet. Il-kompetizzjoni mhux biss sportiva iżda wkoll divertenti u familjari, fejn in-nies se jieħdu pjaċir u jgħixu esperjenza interattiva.
Tony jemmen li qawwa vera mhix biss fiżika imma wkoll morali. “Il-qawwa vera hi li tuża l-abbiltajiet tiegħek biex tagħmel differenza. Dejjem ngħid lit-tfal biex ma jieħdux drogi u biex jużaw is-saħħa u l-qawwa tagħhom għal xi ħaġa pożittiva,” qal Tony. Huwa jemmen li b’passjoni, dedikazzjoni u integrità kulħadd jista’ jikseb dak li jixtieq u jħalli impatt pożittiv fil-komunità.
Tony Farrugia mhux biss jagħti wirjiet impressjonanti u meqjus bħala strongman; hu simbolu ta’ altruiżmu u eżempju għal ħafna. Minħabba wirjiet ta’ saħħa, karità u impenji komuni, Tony kompla jispira kemm lill-adulti kif ukoll it-tfal f’Malta. Il-Battle of the Beasts mhux biss prova ta’ ħiliet iżda wkoll pjattaforma biex jinġabru fondi għall-karità u biex jitħeġġeġ l-appoġġ komunitarju.
Tony jkompli juri li, anke bħala l-uniku strongman nazzjonali, il-qawwa vera hi fil-ġenerożità, is-saħħa u l-imħabba għall-komunità Maltija. Il-karriera tiegħu, mimlija wirjiet, televiżjoni u sfidi sportivi, hija xhieda tal-passjoni tiegħu, id-dedikazzjoni u li jiffoka fuq il-benesseri tal-oħrajn.