Folla kbira ta’ nies nġabret fil-knisja tal-Furjana biex tagħti l-aħħar tislima lill-eks Segretarju tal-General Workers’ Union Tony Zarb.
L-Arċipriet Dun Charles Cini li mexxa l-quddiesa ma naqasx milli jaqsam mal-folla preżenti ħsibijiet mill-isbaħ dwar esperjenzi tiegħu bħala personalità pubblika li se jibqa’ b’ismu mnaqqax fl-istorja tat-trejdunjoniżmu.
Fakkar kif meta lura fis-snin kien se jsir l-istrajk fil-Kumpanija tal-linja tal-ajru Maltija kien issospenda l-azzjoni biex tarbija setgħet tiġi msiefra għall-kura barra mill-pajjiż. Kien fakkar dan l-episodju proprju tifel ta’ 12-il sena li kien qallu li dik it-tarbija li kienet intbagħtet l-Ingilterra kien hu.
Fakkar kif minn ħaddiem f’fabbrika, kien kapaċi jifhem li seta’ jkun strumentali biex jgħin lil ħaddieħor bil-kariga tiegħu.
“Naħseb li l-imħabba li kellu Tony kienet tfisser li tara li l-ħaddiem ikun l-ewwel u qabel kollox”, żied jgħid l-Arċipriet.
Kompla biex jgħid li filwaqt li ħafna jitkellmu dwar il-bżonn li jinħoloq ix-xogħol, ftit jingħad diskors dwar il-kwalità tax-xogħlijiet li jinħolqu.
“Ma nistgħux inħallu l-figura ta’ Tony tintesa. Il-legat li se jħalli Tony huwa dak tal-altruwiżmu. Bniedem li minkejja ċirkostanzi li jinbidlu tibqa’ l-għajta tiegħu tibqa’ għal dak li hu ġust u sewwa”, temm jgħid Cini.