Mhijiex darba jew tnejn li f’pajjiżna jsiru kampanji li l-għan tagħhom hu li titqajjem aktar kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq tagħna. Dawn narawhom kważi matul is-sena kollha, speċjalment fiż-żminijiet ta’ festi. Ma nistgħux ngħidu iżda li l-kampanji ta’ din ix-xorta jkunu inutli billi ċertu aċċidenti xorta waħda jseħħu.
B’danakollu, il-kampanji waħedhom ma jwasslu mkien jekk ma jkunux appoġjati mis-sens ċiviku tal-pubbliku nġenerali. Kulħadd, sewwieqa u nies jimxu fit-toroq, għandu jagħti sehmu biex is-sigurtà fit-toroq tkun aktar effiċjenti u effettiva.
Irridu nifhmu li kampanji bħal dawn mhumiex intenzjonati biss għas-sewwieqa tal-muturi, tal-karozzi u l-e-scooters, iżda anke għal min ikun qed jippassiġġa fuq il-bankina. Għalhekk, il-mistoqsija toħroġ waħedha dwar kemm qegħdin nagħtu kashom dawn il-kampanji u r-regolamenti biex l-inċidenti, l-aktar dawk gravi u fatali jonqsu mit-toroq Maltin.
Sfortunatament jidher li ma tantx qed naraw li dawn qed jingħataw importanza mill-pubbliku. Is-sigurtà fit-toroq m’għandhiex tkun fi żmien tal-festi biss imma f’kull jum tas-sena. Għax wara kollox x’jiswa li jkollna kampanji biex jikber l-għarfien u dak li jkun jibqa’ ma jagħtix każ u jagħmel ta’ rasu l-aqwa li jinqeda hu qabel kollox u qabel kulħadd?
F’każi bħal dawn, nemmnu li ċ-ċavetta biex jonqsu l-inċidenti fit-toroq hija l-edukazzjoni u l-maturità, imma mhux biss. It-trażżin tal-egoiżmu u s-sens ta’ responsabbilta lejn ħaddieħor huma kruċjali wkoll.
Il-fatt li dan il-Gvern, permezz tal-Ministeru għat-Trasport jagħti importanza assoluta għas-sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna hija xi ħaġa ta’ min ifaħħarha. Hekk ukoll jista’ jingħad għal Transport Malta li dejjem żżid il-miżuri biex jiġu evitati l-inċidenti fit-toroq.
F’dawn iż-żminijiet ta’ festi huwa naturali li jiżdied id-divertimentt iżda biex dak li jkun jieħu gost u jiddeverti hu, m’għandux ipoġġi fil-periklu s-saħħa u l-ħajja ta’ ħaddieħor. Għalhekk intennu kif għamilna bosta drabi oħra illi min jixrobx m’għandux isuq la f’dawn il-ġranet ta’ festi u lanqas f’kull jum ieħor tas-sena. Kulħadd irid iżomm f’moħħu li ħajja waħda għandna u jekk nitilfuha jew niddiżabilitawha ma nerġgħux niksbuha lura.