Tottenham Hotspur keċċew lill-coach temporanju, Cristian Stellini, wara inqas minn xahar fit-tmexxija.
Din it-tkeċċija waslet wara li nhar il-Ħadd li għadda Spurs ġew umiljati minn Newcastle United bl-iskor ta’ 6-1 liema telfa ġie meqjus bħala “għal kollox inaċċettabbli” miċ-chairman, Daniel Levy.
Għaldaqstant, l-assitant coach Ryan Mason, se jieħu r-responsabbiltá tat-team sa tmiem l-istaġun.
Stellini, 48 sena, inħatar fis-26 ta’ Marzu wara li Antonio Conte telaq lill-club, bi qbil reċiproku mal-bord tad-diretturi, wara 16-il xahar fit-tmexxija.
It-telfa kontra Newcastle, fejn wara 21 minuta, kienu diġá fi żvantaġġ ta’ 5-0, kienet daqqa ta’ ħarta kbira għat-tamiet ta’ Spurs biex ikomplu jisfidaw għall-kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.
“Nistgħu nħarsu lejn ħafna raġunijiet għaliex dan ġara u filwaqt li jien, il-bord, il-coaches u l-players kollha jridu jerfgħu r-responsabbiltà kollettiva, fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà hija tiegħi,” qal Levy.
Tottenham jinsabu fil-ħames post fil-klassifika tal-Premier League, sitt punti taħt kemm Newcastle fit-tielet u Manchester United fir-raba’.