Tottenham …..1
Man United ….0
Tottenham rebħu l-UEFA Europa League meta fil-finali għelbu lil Manchester United bl-iskor ta’ 1-0 permezz ta’ goal li ġie skorjat fl-ewwel taqsima minn Brennan Johnson biex issa staġun ieħor jilagħbu fil- UEFA Champions League.
Min-naħa tal-United, din il-finali temmet staġun mill-aktar diżappuntanti.
Kienu Tottenham li fetħu tajjeb u fit-12-il minuta resqu darbtejn viċin minn Brennan Johnson u Pape Sarr iżda t-tentattivi tagħhom ġew imblukkati fil-ħin.
Ħames minuti wara, il-United irreċiprokaw iżda mill-cross ta’ Amad Diallo, Casemiro u Rasmus Hojlund naqsu li jikkonnettjaw biex setgħu jikkonkludu.
Wara dawn l-azzjonijiet ir-ritmu naqas drastikament hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jibżgħu minn xulxin bil-konsegwenza li l-partita saret waħda monotona … sakemm fit-42 minuta, Tottenham fetħu l-iskor meta Sarr xeħet cross lejn Brennan Johnson li naqas li jikkontrolla sewwa l-ballun li ddevja ma’ Luke Shaw u spiċċa fix-xibka.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, kienet mistennija r- reazzjoni mir-Red Devils iżda rrenjat medjokritá bejn iż-żewġ timijiet hekk kif il-partita kellha ħafna waqfien, bil-players ta’ Spurs kien aktar moħħhom li ma jsofrux il-goal milli jippruvaw isibu t-tieni wieħed biex joqtlu l-partita.
Iżda b’mod gradwali, il-United bdew jirbħu l-pussess tal-ballun u fil-61 minuta, Leny Yoro, seta’ għamel aħjar minn quddiem il-lasti, bil-goalkeeper, Guglielmo Vicario, jilqa’ t-tentattiv tiegħu.
Fis-70 minuta, Micky van de Ven kien providenzjali għal Spurs meta salva minn fuq il-linja minn daqqa ta’ ras ta’ Hojlund.
Fid-97 minuta, il-United kienu għoddhom kisbu d-draw iżda Vicario salva d-daqqa ta’ ras ta’ Shaw.