Wara li fost il-ġimgħa ntlagħbet l-14-il ġurnata tal-Premier League Ingliż, mil-lum sa nhar it- Tnejn se tintlagħab il-15-il waħda fejn l-iktar logħba attraenti hija dik bejn Tottenham u Chelsea li minbarra li hija Derby ta’ Londra hija bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.
Jekk Tottenham ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Bournemouth, min-naħa tagħhom il-Blues ta’ Enzo Maresca qed jissaħħu iktar ma jgħaddi l-istaġun.
Huma nfetħu waħda sew fost il-ġimgħa meta rebħu 5-1 għand Southampton għalkemm irridu ngħidu li ġew mgħejuna meta s- Saints tkeċċielhom il-captain Jack Stephens.
Il-leaders Liverpool se jkunu nvoluti fid-Derby ta’ Merseyside meta jkunu f’Goodison Park kontra Everton fil-logħba li llum tiftaħ il-programm waqt il-ħin tal-ikel b’dawn tal-aħħar żgur li se jagħmlu ħafna ħsejjes wara t-kaxkira li taw lil Wolves bl-iskor ta’ 4-0 nhar l-Erbgħa li għadda fl-istess stadium.
Min-naħa tar-Reds huma kienu nvoluti f’logħba mill-isbaħ għand Newcastle b’dawn ikunu darbtejn minn fuq iżda fl-aħħar kienu huma li ħadu punt meta kisbu d-draw bl-iskor ta’ 3-3 permezz tad-difensur Fabian Schar fid-90 minuta.
Dawn iż-żewġ punti mitlufa jistgħu jkunu kruċjali għal Liverpool minħabba li minbarra Arsenal u Manchester City hemm ukoll Chelsea li jidhru li ma tantx qed ifallu punti kif ġieb u laħaq.
Għal darb’oħra t-team ta’ Arne Slut straħ sew fuq Mohamed Salah li skorja tnejn mill-goals meta dan l-aħħar mhux qed tgħaddi logħba jekk ma jiskorjax jew jagħti xi assist bħal ma kien il-każ fl-ewwel goal.
Aston Villa, waqqfu sensiela negattiva ta’ sitt logħbiet meta f’darhom għelbu lil Brentford 3-1. Illum se jilqgħu lit-team ta’ qigħ il- klassifika, Southampton, li ġejjin mit-telfa kbira kontra Chelsea.
Brentford se jilqgħu lil Newcastle f’logħba delikata b’dawn ġejjin mid-draw pjaċevoli kontra Liverpool minkejja li fl-aħħar logħbiet xejn ma kienu għaddejjin tajjeb. Tidher logħba miftuħa li tista’ tmur kull naħa għalkemm draw ma jidhirx impossibbli.
Crystal Palace, friski mir-rebħa għand Ipswich Town b’goal uniku ta’ Jean-Philippe Mateta, jilqgħu liċ-champions Manchester City wara li dawn waqqfu sensiela negattiva ta’ seba’ logħbiet bla rebħa fil-kompetizzjonijiet kollha meta f’darhom għelbu lil Nottingham Forest 3-0.
Għalihom irritorna mill-bidu, Kevin De Bruyne, li anke niżżel ismu fost il-goals, u b’hekk patta xi ftit għan-nuqqas ta’ Rodri f’nofs il-ground.
Il-logħba ta’ filgħaxija se tara lil Manchester United jilqgħu lil Nottingham Forest li fl-aħħar tliet logħbiet kienu fin-naħa l-ħażina ta’ żewġ telfiet barra minn darhom kontra Arsenal (3-1) u kontra Man City (3-0).
Min-naħa tal-United, il- manager ġdid tagħhom, il-Portugiż Ruben Amorim, diġá ħalla l-marka tiegħu meta t-team jidher li qed jilgħab bi pjan tattiku differenti minn dak ta’ taħt Erik ten Hag.
Għada se jsiru erba’ logħbiet oħra, fejn il-logħba Fulham kontra Arsenal hija t-tielet Derby ta’ Londra għal tmiem din il-ġimgħa fejn il-Gunners komplew għaddejjin fit-triq tar-rebħ waqt li l-Cottagers għamluhom żewġ rebħiet wara xulxin wara żewġ draws u telfa.
Żewġ timijiet li ġejjin minn riżultati kuntrastużi huma Ipswich u Bournemouth fejn tal-ewwel tilfu 1-0 kontra Crystal Palace u ċ-Cherries ħarġu rebbieħa bl-istess riżultat kontra Tottenham b’dawn issa niżlu fl-10 post għalkemm mhumiex daqstant distakkati bil-punti.
Brighton ġejjin minn telfa ta’ 3-1 għand Fulham, iżda xorta żammew il-ħames post fil-klassifika.
Huma se jerġgħu jkunu barra minn darhom meta jmorru għand Leicester City li fl-ewwel logħba taħt il-manager Ruud Van Nistelrooy, kisbu rebħa tajba ta’ 3-1 kontra West Ham United.
Din ir-rebħa rathom jitilgħu l-ħames mill-aħħar wara li fil-ħames logħbiet ta’ qabel ħadu draw biss fost erba’ telfiet.
Il-logħba li tagħlaq il- programm hija dik bejn timijiet ta’ żewġ managers fl-inkwiet, Julen Lopetegui ta’ West Ham u Gary O’Neil ta’ Wolves, li t-tnejn qed jissemmew li jitkeċċew iżda ma tantx jidher li l-clubs se jieħdu dan il-pass daqstant b’għaġġla l-iktar minħabba l-impatt finanzjarju.
Mal-Hammers qed jissemmew bosta ismijiet saħansitra t-Taljan Massimiliano Allegri waqt li dawk li qed jissemmew ma’ Wolves huma Graham Potter u David Moyes.
Nhar l-Erbgħa Wolves ġew umiljati minn Everton li rebħulhom 4-0 meta kienu ġejjin minn erba’ logħbiet mingħajr ma jiskorjaw waqt li West Ham ġejjin mit-telfa kontra Leicester.