Sunday, December 22, 2024

Tour ta’ Malta: Dominanza barranija fl-ewwel ġurnata

Aqra wkoll

L-ewwel ġurnata tat-27 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta taċ-Ċikliżmu, bis-sehem ta’ diversi ċiklisti lokali flimkien ma’ oħrajn barranin, rat dominanza barranija fil-bidu tat-Tour, madankollu żewġ  ċiklisti Maltin spiċċaw fuq il-Podium. L-ewwel tappa kienet tikkonsisti f’Individual Time Trail fuq iċ-ċirkwit ta’ Fleur-de-Lys fuq distanza ta’ 2.5km il-kilometru fejn iċ-ċiklisti kollha għamlu 6 dawriet għal distanza totali ta’ 15 il-kilometru.

L-attenzjoni prinċipali kienet fuq il-kategorija Elite fejn fl-ewwel post daħal il-Franċiż Julien Laidoun ta’ Pedale Suipasse f’ħin totali ta’ f’21 minuta u 10 sekondi. Żewġ sekondi biss wara spiċċa Franċiż ieħor, Antoined Magaud ta’ Uni Sport Lamentinois, filwaqt li fit-tilet post spiċċa t-Taljan Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike f’ħin ta’ 21 minuta u 29 sekonda.

Il-kategorija tan-Nisa ntrebħet mil-Franċiża Catheline Ramonet ta’ Team France Clubs Defense f’ħin ta’ 24 minuta u 52 sekonda. Tliet sekondi warajha daħlet seħbietha Johanna Brocco. Il-Maltija Marie Claire Aquilina tat-Team Greens spiċċat it-tielet f’25 minuta u 17 il-sekonda.

Fil-kategorija tal-Masters Daniele Lazzari ta’ ASD Team Simo Bike spiċċa fl-ewwel post f’ħin ta’ 22 minuta u 12 il-sekonda. Ħdax il-sekonda warajh spiċċa Etienne Bonello tat-Team Greens, mentri Edmond Irwin ta’ Cinnamon Cafe Saddle Drunk RT UK daħal fit-tielet pożizjoni f’ħin ta’ 22 minuta u 55 sekonda.

Għal darb’oħra dan it-Tour qed jsir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u din is-sena ser tkun appoġġjata mill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant li huwa magħżul bħala ‘Ir-Reġjun Ewropew tal-Isport għas-sena 2023’ minn ACES – European Capitals and Cities of Sport.

Fi tmiem dan l-istadju, is-Sur Joe Bajada, Segretarju tal-Kumitat Organizzattiv ippreżenta l-midalji u l-flokk l-aħmar lir-rebbieħa.

It-Tour ta’ Malta jkompli għada s-Sibt bit-tieni tappa li ser tkun tiġrija fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin fejn l-Elite ser jagħmlu 10 dawriet għal distanza ta’ 88 kilometru, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 6 dawriet għal distanza ta’ 53 kilometru. Il-Ħadd imbagħad tinżamm l-aħħar tappa, tiġrija fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn l-Elite ser jagħmlu 15 dawriet għal distanza ta’ 63.5 kilometru, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 12 dawriet għal distanza ta’ 43 kilometru. It-tluq tat-tliet tapep qed ikun fit-8:00 ta’ filgħodu.

Ekonomija

Sport