Minn Victor Vella
“Spiċċajna b’allerġija papali. It-toroq u quddiem id-dar u anke ġewwa mimlijin trab fin. Hemm attività għaddejja u qed toħloq dan l-inkonvenjent. Xbajna nirrappurtaw”. ‘Spiċċajt bl-inhaler. Min hu responsabbli għal dan it-trab?”. Dawn huma ilmenti li wasslulna minn residenti fis-Siġġiewi. L-ilmenti huma dwar allegata attività li għaddejja f’żona partikolari u li qed toħloq trab fin ħafna b’inkonvenjenzi kbar.
Ritratti li bdew ixandru ir-residenti juru bankini, toroq u proprjetajiet litteralment miksijin b’dan it-trab fin, li ovvjament hu ta’ dannu għas-saħħa.
Tkellimna mas-Sindku, Dominic Grech, li infurmana li l-awtoritajiet tal-ambjent ġew infurmati u qed jinvestigaw.
Enfasizza li “aħna bħala Kunsill Lokali tas-Siġġiewi tlabna lid-Dipartiment tal-Infurzar tal-ERA biex jinvestigaw dawn ix-xogħlijiet. Qegħdin nistennew l-eżitu ta’ din l investigazzjoni biex nagħmlu l-pass li jmiss”.