Saturday, December 21, 2024

Trakk tal-iskart jieħu n-nar f’Ħal Tarxien… is-sid jitfa’ kollox f’art bħala mezz ta’ sigurà

Aqra wkoll

Kien għall-ħabta tat-3.30pm meta sewwieq tat-trakk li kien qed jiġbor l-iskart induna li l-materjal li kellu kien qiegħed jieħu n-nar. Il-każ seħħ fi Triq id-Dejma Ħal Tarxien.

Mill-ewwel is-sewwieq bħala mezz ta’ sigurà tefa’ l-iskart kollu mal-art biex b’hekk jevita li jkun hemm konsegwenzi ferm agħar. L-istess ħaddiema tal-ġbir tal-iskart bdew jikkontrollaw in-nirien sakemm fi ftit minuti waslu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u komplew jitfu n-nar.

Il-pulizija wkoll marru mill-ewwel fuq il-post biex fost l-oħrajn jikkontrollaw it-traffiku u anke jinvestigaw eżatt x’kien ġara.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Talk.mt li f’dan l-inċident ħadd ma weġġa’ u l-iskart kollu li kien hemm maħruq fl-art inġabar u tnaddaf kollox.

Ta’ min jgħid li bħal daż-żmien tas-sena meta tkun sħana kbira wieħed għandu joqgħod attent ferm x’jitfa’ fil-boroż tal-iskart. Affarijiet li jieħdu n-nar malajr qatt m’għandhom jintefgħu mal-boroż li jinġabru minn wara l-bibien, iżda għandhom dejjem jittieħdu fiċ-Ċentri tal-Iskart Goff li hawn f’pajjiżna li jiftħu kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7.30am sal-5.30pm.

Intant fi stqarrija l-Assoċċazzjoni tal-Kunsilli Lokali tħeġġeġ lir-residenti biex jisseparaw l-iskart tagħhom b’mod tajjeb biex jevitaw li jkun hemm każi bħal dawn.

L-Assoċċazzjoni tgħid li ġew informati li aktar kmieni llum kien hemm skart li ħa n-nar u dan konsegwenza li r-residenti ħalltu kollox u ramew skart perikoluż. Għalhekk l-Assoċċazzjoni qed tappella lir-residenti kollha madwar il-pajjiż biex jisseparaw l-iskart tagħhom biex ma jkunx hemm każi bħal dawn li jpoġġu f’riskji lill-komunitajiet.

Dan in-nar seta’ nfirex b’mod mgħaġġel ħafna, seta’ kkawża ħsarat kbar u anke setgħu mietu n-nies. L-istqarrija temm tgħid li “jekk naħdmu flimkien, nistgħu noħolqu ambjent sigur kemm għalina u anke għal ġenerazzjonijiet futuri..

Ekonomija

Sport