Saturday, November 23, 2024

Transgender oħra titkellem dwar l-insulti lejhom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Persuna oħra transgender esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-mod dispreġġjattiv kif ċertu nies jitkellmu magħhom.

Maxine Attard, li fuq il-profil tagħha tal-Facebook ttella’ programm mużikali fejn anke titkellem mas-segwaċi, irrimarkat f’wieħed mill-filmati kif ikun hemm min jgħaddi kummenti biex jippruvaw idaħħku u oħrajn b’konnotazzjonijiet sesswali.

Hija rrimarkat li huwa tal-mistħija li fl-2020 għad issib nies bħal dawn fis-soċjeta tagħna.

Attard għamlet ukoll kollegament ma’ Angela Coleiro, il-preżentattriċi tar-radju li hija wkoll transgender u li fl-aħħar jiem kienet fil-mira ta’ insulti, fejn qasmu l-esperjenza tagħha dwar din is-sitwazzjoni. 

F’kumment li għaddiet fuq Facebook wara dak li ħareġ fl-aħħar jiem, Coleiro irrimarkat li l-liġijiet tad-drittijiet ċivili huma tajbin u pass kbir ‘il quddiem imma ma jiswew xejn fuq il-karta.

Hija ħeġġet ukoll lill-politiċi biex ma jużawx in-nies fil-kommunita LGBTIQ bħal ballun politiku biex jakkwistaw il-voti u biex darba fis-sena jitilgħu fuq il-karrijiet bil-bnadar ikkuluriti.

Il-Malta Gay Rights Movement (MGRM), li jiddefendi l-interessi tal-imsemmija kommunita, ukoll esprima t-tħassib tiegħu għaż-żieda fl-attakki transfobiċi.

“Qed naraw messaġġi xokkanti fuq il-ġeneru, messaġġi espliċiti li jirridkolaw persuna, u dan kollu għax ma jkunx hemm qbil ta’ natura politika jew fuq xi suġġett ieħor”.

L-istess moviment saħaq li jekk persuna ma taqbilx ma’ opinjoni ta’ oħra m’għandhix għaliex iddaħħal il-ġeneru fid-diskussjoni għax dan mhux kliem biex tindirizza bniedem.

Sport