Ftit tal-jiem ilu, Transparency International li hija koalizzjoni globali kontra l-korruzzjoni ippublikat l-indiċi ta’ pajjiżi li huma l-iktar u l-inqas korrotti. Malta, b’51 punt f’dan l-indiċi tniżżlet livell u ġiet ikklassfikata fl-54 post.
L-indiċi huwa bbażat fuq il-perċezzjoni u aktar ma jkun għoli l-punteġġ aktar pajjiżi jiġi dikjarat u kklassifikat bħala wieħed nadif u ħieles mill-korruzzjoni.
Fil-każ ta’ Malta, il-klassifika li tpoġġa fiha pajjiżna ma tistax ma tqanqalx dubji serji fl-imħuħ ta’ ħafna Maltin dwar il-veraċita tal-analiżi li saret dwar il-korruzzjoni f’pajjiżna. Dan qed ngħiduh għaliex hemm pajjiżi, mhux fl-Ewropa biss, fejn il-korruzjoni hija l-ordni tal-ġurnata. Anki fil-Mediterran hawn pajjiżi fejn il-korruzzjoni hija fid-deher u b’danakollu dawn ingħataw ranking aħjar minn ta’ Malta.
Allura bir-raġun nistaqsu… min hu dak jew min huma dawk li qed jitimgħu l-informazzjoni lil din l-organizazzjoni dwar il-korruzzjoni f’Malta. Dan ukoll fil-kuntest ta’ stħarriġ tal-Eurbarometer li kkonkluda li l-perċezzjoni tal-korruzzjoni f’Malta naqset.
Possibbli li dawk li taw l-informazzjoni lil Transparency International ma nnutawx li s-sena l-oħra, fi żmien rekord ta’ ftit xhur, Malta inħarġet mil-lista l-griża tal-FATF. Possibbli li ma nnutawx lanqas li Malta kompliet timplimenta wħud mir-riformi mitluba mill-Moneyval u mill-Kummissjoni Venezja.
Possibbli li lanqas ma nnutaw kif il-Gvern Laburista kompla għaddej bir-riformi u jitlaq minn idejħ aktar mill-poteri milli kellu fosthom l-għażla u l-ħatra tal-gudikanti u b’hekk żdiedet l-indipendeza tal-Qrati, jew li l-FIAU żdiedula r-riżorsi u l-fondi biex tkun aktar effettiva.
Allura ma tantx nistgħu nieħdu bis-serjeta l-analiżi ta’ Transparency International dwar il-korruzzjoni f’Malta u l-ġlieda li pajjiżna qed jagħmel kontra l-kriminalita organizzata u l-ħasil ta’ flus.
Fil-perspettiva ta’ dan kollu bilfors ikollna nikkonkludu li f’Malta stess għad hawn min għandu nteress li jimmina lill-Gvern anki akkost li jagħmel ħsara lill-pajjiżna.
Dan għalina m’hijiex sorpriża. Xbajna nisimgħu korruzzjoni tiela u korruzzjoni nieżla minn ċertu nħawi u organizazzjonijiet lokali biex forsi xi ħaġa teħel fl-imħuħ kemm lokalment u anki barra xtutna.
Quddiem dan kollu nemmnu bis-sħiħ li pajjiżna se jkompli miexi ‘l quddiem u jwettaq ir-riformi meħtieġa, se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalita organizzata u ta’ dan żgur li se jibqa jkollu l-approvazzjoni u l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi.