Sunday, December 22, 2024

Transport Malta b’ħidma biex tnaqqas it-traffiku matul is-sena skolastika

Aqra wkoll

Bidu ta’ sena skolastika ġdida jġib miegħu żieda fit-traffiku u konsegwentament żieda fl-istennija qalb konġestjonijiet tat-traffiku speċjalment waqt ċertu ħinijiet tal-ġurnata.

Fi stqarrija maħruġa, Transport Malta kkonfermat li hija konxja minn din il-problema li toħloq inkonvenjent u żiedet tispjega dwar il-ħidma li għaddejja biex kemm jista’ jkun tnaqqas l-inkonvenjent.

Transport Malta qalet li saru laqgħat ta’ preparazzjoni bejn diversi stakeholders fosthom Infrastruture Malta, il-Korp tal-Pulizija u l-LESA. Fost miżuri oħra li se jkunu qegħdin jittieħdu, se jkunu offruti xi servizzi maħsubin biex inaqqsu l-problema tal-konġestjoni li xi drabi saħansitra tinħoloq kawża ta’ inċidenti li faċilment jistgħu jiġu kkontrollati.

Tow Truck bla ħlas

Ġie spjegat kif Transport Malta se tkun qiegħda toffri servizzi ta’ Tow Truck b’xejn mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-06:00 sad-09:30, u mill-15:30 sas-18:30, matul is-sena skolastika. Biex tagħmel użu minn dan is-servizz għandek iċċempel fuq 80073399. Uffiċjal minn Transport Malta jintbagħat fil-post tiegħek biex jidderieġi t-traffiku fiż-żona u jgħin biex imexxi l-vettura tiegħek fl-eqreb post sigur biex ma’ jkunx ta’ inkonvenjent għat-traffiku li jkun għaddej.

Uffiċjali tal-Infurzar

Għadd ta’ uffiċjali se jkunu stazzjonati f’postijiet partikolari fejn jinġema’ ammont konsiderevoli ta’ traffiku biex jiżguraw li t-traffiku jibqa’ għaddej mingħajr ebda xkiel żejjed. Se jkun hemm preżenza qawwija ta’ dawn l-uffiċjali fit-toroq bejn is-6:00 u d-9:30 u kif ukoll bejn it-15:30 u s-18:30. Se jkun hemm ukoll żieda fir-rondi li tagħmel Transport Malta. 

Aktar kontrolli

Se jkun hemm żieda ta’ ħaddiema fit-Traffic Control Centre (TCC) ta’ Transport Malta biex jiġi żgurat kordinament aħjar waqt ħinijiet fejn jinġema’ ammont konsiderevoli ta’ traffiku. 

Il-pubbliku huwa mitlub jikkopera mal-awtorità, mhux biss billi jikkopera mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-uffiċjali tal-infurzar, iżda anke bili dak li jkun jippjana r-rotta tiegħu minn qabel.  

Il-Pubbliku huwa wkoll imħeġġeġ iniżżel l-app tal-Malta Road Traffic Update (MRTU) li se tkun qed taġġorna minn ħin għall-ieħor bl-aħħar dettalji fuq kwalunkwe inkonvenjenti u traffiku li jistgħu jkunu ta’ inkonvenjent.

Ekonomija

Sport