Tuesday, August 26, 2025

Transport Malta b’pakkett komprensiv ta’ miżuri għall-immaniġġjar tat-traffiku waqt SiGMA

Aqra wkoll

Il-Malta Maritime Hub fil-Marsa se jerġa’ jilqa’ eluf ta’ parteċipanti għall-konferenza SiGMA Malta 2025, wieħed mill-akbar avvenimenti internazzjonali fil-qasam tal-iGaming. Din is-sena, l-attendenza mistennija tlaħħaq madwar 15,000 ruħ, ċifra inqas minn snin preċedenti meta l-konferenza rat sa 25,000 parteċipant, iżda xorta waħda numru sostanzjali li se jġib miegħu sfidi fuq it-traffiku speċjalment il-parti ċentrali għal dik tan-nofsinhar ta’ Malta.

Transport Malta, taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv tagħha Kurt Farrugia, ħabbret pakkett komprensiv ta’ miżuri ta’ immaniġġjar ta’ traffiku biex tilqa’ għall-kritika kontinwa li l-avveniment iġib konġestjoni kbira tul arterji ewlenin ta’ Malta.

F’intervista li ma’ dan il-ġurnal, is-Sur Farrugia saħaq li din is-sena l-pjan hu mibni fuq esperjenza diretta mill-edizzjonijiet preċedenti. “Il-ħsieb tagħna hu bbażat fuq l-esperjenza li għaddejna minnha fl-aħħar snin. Se nkunu qegħdin naraw li ċerti żoni li jġibu magħhom ammonti ta’ nies ikunu ikkontrollati.  Għalhekk, se jkollna madwar 100 uffiċjal fuq tlitt ijiem, iduru maż-żoni partikolari fejn se jsir l-avveniment. Se jkollna wkoll ammont ta’ muturi għal patrolling, fejn dawn se jkunu kontinwament fuq il-moviment biex jindirizzaw sitwazzjonijiet fil-ħin.”

Is-Sur Farrugia spjega li l-użu ta’ drones se jkun parti mis-sorveljanza: “Qed inpoġġu wkoll fuq teknoloġija moderna – drones biex naraw il-fluss tat-traffiku u nirreaġixxu b’ħeffa meta jkun hemm bottleneck jew accident żgħir li jista’ jkabbar il-problema.”

Il-pjan jinvolvi żoni ta’ drop-off u pick-up speċifiċi, kollha immarkati b’kuluri fuq l-art u b’sinjali viżibbli. Pereżempju t-taxis il-bojod, jew kif inhuma magħrufa tal-White taxis se jkollhom post dedikat quddiem l-uffiċċju tal-passaporti (Identity Malta). “Ikun hemm mixja ta’ madwar ħames minuti sal-entrata, iżda dan jagħti ċertezza u ordni,” qal Farrugia.

Mill-banda l-oħra, il-vetturi b’liċenzja Y (chauffeur cars) ma jistgħux iwaqqfu n-nies fin-nofs tat-triq. Għalhekk, Transport Malta ħejjiet mappa apposta b’żoni fejn dawn jistgħu joperaw.

Fl-istess waqt, coaches u minibuses se jkollhom rotta speċifika minn Triq tat-Tromba, quddiem l-ex Open Centre, bi drop-off point madwar 500 metru bogħod mill-entrata. “Hemmhekk in-nies li se jattendu jkollhom mixja ta’ madwar seba’ minuti, iżda se jkun immarkat u sigur,” żied jgħid il-CEO.

Sadanittant, ic-Chauffeur-driven cars se jkollhom iż-żona tagħhom ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Tajjeb li wieħed jgħid li staff u organizzaturi se jkollhom parkeġġ dedikat eqreb lejn il-post.

“Din is-sena biddilna xi arranġamenti minn kif konna nagħmlu qabel, biex innaqqsu l-konġestjoni viċin il-bieb ewlieni tal-post. L-għan hu li nkunu aktar organizzati u li ma jkunx hemm vetturi jgħabbu n-nies fin-nofs tat-triq,” insista Farrugia.

SiGMA ilu jsir Malta minn 2014 u sar wieħed mill-aktar summits prestiġjużi fid-dinja tal-iGaming, fintech u blockchain. Dan l-avveniment iġib miegħu eluf ta’ imprendituri, kumpaniji, startups u investituri minn kullimkien. Għal Malta, l-industrija tal-gaming illum tirrappreżenta settur ekonomiku kruċjali, b’kontribuzzjoni sostanzjali lejn il-PGD u l-impjiegi.

Iżda dan il-benefiċċju ekonomiku dejjem jiġi b’kontroversja u fuq kollox il-konġestjoni tat-traffiku li jiġġenera avveniment bħal dan. L-arterja ta’ Marsa tgħaqqad in-Nofsinhar mal-belt kapitali u żoni turistiċi bħal Sliema u San Ġiljan. Kull ‘l hekk imsejjaħ bottleneck f’din iż-żona jaffettwa wkoll Blata l-Bajda, Ħamrun u anke t-triq lejn San Ġiljan.

Is-sena li għaddiet, il-Ministru tat-Trasport Chris Bonett ammetta li t-traffiku kien inevitabbli iżda tenna li l-avveniment iġib “benefiċċju ekonomiku kbir għal Malta”.

Residenti taż-żoni viċin il-Marsa u ’l madwar li jaqsmu minn din ir-rotta spiss jilmentaw li fil-jiem tas-SiGMA ivvjaġġaw sigħat għal mixjiet li normalment jieħdu minuti. Xi kritiċi qalu li l-konferenza għandha tiġi rilokata lejn postijiet b’aċċess aħjar għat-trasport pubbliku u infrastruttura aktar wiesgħa.

Farrugia ma jaħbix li l-kritika tilħaq ukoll l-uffiċini ta’ Transport Malta: “Nifhmu n-nies li jiddejqu. Imma x-xogħol tagħna hu li nnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt. Din is-sena għandna uffiċċju ta’ Transport Malta fuq il-post biex inwieġbu immedjatament għal kull diffikultà, u lanes dedikati għall-karozzi tal-avveniment.”

Mistoqsi dwar x’jistenna mill-edizzjoni ta’ din is-sena, Farrugia kien ċar: “Hemm imsemmija tragwardi importanti għalkemm tajjeb li nimxu ġurnata b’ġurnata. L-għan tagħna hu li nagħmlu esperjenza iktar sigura u organizzata kemm għall-parteċipanti kif ukoll għas-sewwieqa Maltin. Mhux kollox jista’ jiġi eliminat, imma nistgħu nkunu proattivi, organizzati u flessibbli.”

SiGMA tibqa’ magna ta’ attrazzjoni u opportunità għal Malta, imma wkoll ta’ sfidi kbar fuq infrastruttura tat-trasport diġà mgħobbija. Bil-pjan imħabbar minn Transport Malta, imexxi minn Kurt Farrugia, qed isir sforz ċar biex il-pajjiż jaffaċċja l-kritika b’aktar organizzazzjoni u komunikazzjoni diretta mal-pubbliku.

Il-konferenza li tibda fl-1 ta’ Settembru u tibqa’ sejra sat-3 ta’ Settembru 2025 se tkun test ieħor għal Malta bejn l-ambizzjoni ekonomika u r-realtà tal-konġestjoni. U għal Transport Malta, kull minuta ta’ traffiku kkontrollat jew evitat tkun sens ta’ sodisfazzjon, imma essenzjali, fil-bilanċ bejn l-ekonomija u l-ħajja ta’ kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport